Il-Malta Football Players Association qed tirrappreżenta 15-il plejer ta’ Sliema Wanderers li għandhom jieħdu xhur sħaħ ta’ salarji, b’uħud minnhom ilhom ma jitħallsu minn Jannar ta’ din is-sena. Il-klabb ingħata avviż ta’ 15-il ġurnata li matulu jridu jitħallsu l-pagamenti dovuti kollha u jekk jinqabeż dan iż-żmien, il-plejers ikollhom id-dritt li jfittxu li jitterminaw il-kuntratt.
Fi stqarrija, l-MFPA qalet li se tkun qed tagħti l-appoġġ lil dawn il-plejers billi tħallas għall-ispejjeż legali. Huma faħħru d-deċiżjoni tal-plejers li jinsistu għad-drittijiet tagħhom għaliex sostnew li “il-bidla tista’ ssir biss billi jieħdu azzjoni.”
“Kif għedna fl-istqarrija preċedenti, erba’ klabbs tal-Kampjonat Premier jinsabu tard ħafna fis-salarji tagħhom. Minn dawn l-erbgħa, Ħamrun Spartans FC u Sliema Wanderers FC, ġew konfermati li għandhom iħallsu salarji mill-istaġun li għadda mingħajr il-kunsens tal-plejers.”
L-MFPA kompliet li skont ir-regoli tal-liċenzjar tal-MFA, il-pagamenti b’lura minn staġuni passati jridu jwasslu għal sanzjonijiet. Kemm Sliema kif ukoll Ħamrun kienu qed jaħdmu b’liċenzja li kienet taħt osserbazzjoni u skont ir-regoli kellhom sal-31 ta’ Ottubru biex iħallsu l-pagamenti tal-istaġun li għadda jew jirċievu sanzjonijiet. Sitt ijiem wara din id-data, l-MFPA qed tistenna stqarrija uffiċjali mingħand l-MFA dwar is-sanzjonijiet imposti.
“Il-klabbs għandhom tal-anqas ma jkunux jistgħu jixtru plejers ġodda meta jkunu għadhom lura fis-salarji. Hu ċar li ma jistgħux iħallsu l-plejers li għandhom, għalhekk kif jistgħu jħallsu s-salarji tal-plejers il-ġodda?,” temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>