Raġel mix-Xewkija qal fil-Qorti kif ġar tiegħu ta’ 87 sena poġġa senter taż-żewġ ma’ rasu u dan fuq post għall-parkeġġ li kkunsidra li huwa tiegħu bi dritt.
Stephen Mike Cauchi rrakkonta kif huwa rnexxielu jevita li jaqla’ tir f’rasu minħabba li huwa tbaxxa malajr qabel ma ġie sparat tir. Cauchi kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Paolo Mercieca, wkoll mix-Xewkija.
L-anzjan qed iwieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront tal-ġar tiegħu wara li spara tir f’argument li seħħ bejn l-irġiel fi Triq is-Salib, għall-ħabta tal-10.00 a.m. fis-7 ta’ Ottubru li għadda.
Mercieca qed jiġi mixli wkoll li fera ħafif lill-vittma u li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr liċenzja tal-Pulizija. Il-Maġistrat Joseph Mifsud li qed jippresiedi l-każ sema lil Cauchi jirrakkonta kif ommu kienet qaltlu biex iċċaqlaq il-karozza, u dan minħabba li Mercieca kien ħoloq kommozzjoni barra d-dar.
Huwa qal ukoll li ommu saħansitra kienet ġibdet filmati ta’ Mercieca jkisser it-tieqa tal-passiġġier tal-karozza tagħhom, tat-tip Fiat 127. Cauchi kompla jgħid li huwa ċempel lill-Pulizija fejn qalulu biex imur l-Għassa u jagħmel rapport.
Wara l-Pulizija bagħtu għal Mercieca biex jinterrogawh u huwa kien mar l-Għassa ftit tal-minuti wara. Ħareġ ukoll li t-tnejn komplew jargumentaw u f’ħin minnhom skont Mercieca, Cauchi f’ħin minnhom heddu, fejn qallu li grazzi għalih, kien se jkollu jagħmel xi ħaġa li biha se jġibu fl-inkwiet.
Il-Pulizija kienu staqsew lil Mercieca jekk kienx jekk kienx se jħallas għad-dannu jew jispiċċa l-Qorti. Huwa qal lill-Pulizija li lest li jispiċċa l-Qorti, u bf’dan il-ħin telaq il-batta mill-Għassa tal-Pulizija.
Minn naħa tiegħu Cauchi qal lill-Pulizija li ma xtaqx jipproċedi bil-każ fil-Qorti minħabba li kellu relazzjoni tajba ma’ Mercieca u l-familja tiegħu u li kienu ġirien.
“Tlaqt mill-Għassa tal-Pulizija u mort inċaqqlaq il-karozza minħabba li dehret li kienet se tagħmel ix-xita. Meta mort fil-post, huwa kien barra r-residenza tiegħu u qalli. ‘Ejja ħa nurik kif nistgħu nagħmlu ftehim’.
Ħsibt li kien se jiskuża ruħu minħabba li deher kalm ħafna. Huwa mexa lejn id-dar tiegħu, fetaħ il-bieb ta’ barra u qabad senter. Kont warajh. Sadanittant huwa dar u poġġieh ma’ moħħi,” ix-xhud qal lill-Qorti.
Kompla jgħid; “għamilt minn kollox biex ma nippanikkjax, anke jekk rajtu eċitat ħafna, iżda wara rajt subajh mal-grillu u kien għalhekk li tbaxxejt mill-ewwel u t-tir ġie sparat. Kont naf li kien hemm żewġ skrataċċ u għalhekk qbadt is-senter u ppruvajt neħodulu.
Spiċċajna fuq xulxin, iżda finalment irnexxieli neħodulu. Ilqattu f’geddumu bil-biċċa ta’ wara tas-senter biex inneħħieh minn fuqu, u ħadmet għax waqa’ mal-art mitluf minn sensih.”
Cauchi qal li dak il-ħin ħarġu xi ġirien oħra fit-triq u rawh iżomm is-senter u mill-ewwel qalilhom li kien Paolo li spara t-tir. Sadanittant ħu l-akkużat ħa s-senter u daħħlu ġewwa.
Fi tmiem il-kumpilazzjoni l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Paolo Mercieca wara li bintu għamlet għamlet garanzija għal missieha bħala terza persuna.
Huwa kien ordnat ukoll li jħallas depożitu ta’ €8,000 u garanzija personali ta’ €12,000. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Spiteri filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għall-akkużat.
//= $special ?>