Il-kandidati tal-Partit Demokratiku kisbu rebħiet sinifikanti fl-elezzjonijiet li saru fl-Istati ta’ Virginia u Kentucky — bir-riżultati jitqiesu bħala daqqa ta’ ħarta għall-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Id-Demokratiku, Andy Beshear, iddikjara rebħa f’Kentucky fejn mistenni jkun ikkonfermat Gvernatur wara vot missielet f’dan l-Istat ta’ orjentament politiku konservattiv.
Beshear għeleb lill-Gvernatur Repubblikan fil-kariga, Matt Bevin, wara li r-riżultati finali tawh vantaġġ 0.4 fil-mija. Sadanittant, Bevin, sa ftit ilu, kien qed jgħid li ma kienx beħsiebu jammetti t-telfa filwaqt li rrefera għal ‘irregolaritajiet’ mhumiex speċifikati. Madankollu, Beshear, li hu avukat, għamilha ċara li ‘qed jistenna b’ħerqa biex jimpenja ruħu għar-responsabbiltajiet tiegħu bħala Gvernatur ġdid ta’ Kentucky’.
It-telfa ta’ Kentucky żgur ma niżlitx tajjeb mal-President Trump li kien baqa’ sal-aħħar jipprova jiġġenera l-appoġġ għal Matt Bevin. Iżda l-istħarriġ wera li Bevin kien fost l-inqas Gvernaturi popolari wara l-battalji li kellu mal-unions u l-għalliema.
Minkejja t-telfa fl-elezzjoni għall-Gvernatur, il-kandidati Repubblikani kellhom suċċess f’ħames voti oħra li saru f’Kentucky, inkluż dak għall-avukat ġenerali tal-Istat.
Sadanittant, id-Demokratiċi ħatfu kontroll sħiħ fl-Istat ta’ Virgina għall-ewwel darba f’aktar minn 20 sena – fejn qalbu l-maġġoranza tar-Repubblikani fiż-żewġt ikmamar tal-leġislatura. Is-suċċessi għal Danica Roem, l-ewwel persuna transgender li serviet fil-leġislatura, u Ghazala Hashmi, li se tkun l-ewwel mara Musulmana fis-Senat, kienu fost l-aktar rebħiet notevoli għad-Demokratiċi f’dan l-Istat.
Issa, d-Demokratiċi fl-Istat ta’ Virginia mistennija jinsistu għal liġijiet aktar riġidi għall-kontroll tal-armi, kif ukoll għal riformi għall-assikurazzjoni tas-saħħa u aspetti oħra ta’ politika li qegħdin jopponu r-Repubblikani.
Ir-riżultati f’Kentucky u Virginia huma meqjusa bħala kejl tal-burdata popolari qabel l-elezzjoni tas-sena d-dieħla għall-Presidenza tal-Istati Uniti.Ir-riżultati anki qegħdin jidhru bħala riflessjoni tal-popolarità ta’ Trump fost il-votanti, meta l-President Amerikan qiegħed jiffaċċja inkjesta għal impeachment potenzjali.
Sadanittant, ir-Repubblikani rnexxielhom iżommu l-kontroll ta’ Mississippi wara tellieqa intensiva oħra għall-kariga ta’ Gvernatur. Dan meta l-Istat Amerikan inkwistjoni hu magħruf bħala fortizza tradizzjonali għar-Repubblikani.
Il-Gvernaturi tal-Istati Amerikani jmexxu l-fergħat eżekuttivi fil-Gvernijiet tal-Istat.
//= $special ?>