L-Awtoritajiet fit-Taġikistan qalu li nqatlu numru sostanzjali ta’ nies wara li allegati militanti mal-grupp ISIS attakkaw checkpost fiz-zona tal-fruntiera mal-Użbekistan.
Ir-rapporti qalu li l-militanti rnexxielhom joqtlu talanqas uffiċjal tal-pulizija u gwardjan mal-fruntiera, iżda huma tilfu talanqas ħmistax il-ġellied fost sensiela ta’ sparaturi fl-inħawi lejn il-lbiċ tal-kapitali, Dushanbe.
Sadanittant, l-ISIS naqsu li jikkonfermaw uffiċjalment is-sehem tagħhom fil-battalji mal-fruntiera. Dan meta magħruf li l-aggressuri inkwistjoni kienu qasmu mill-Afganistan lejn it-Taġikistan fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Fl-istess ħin, mhux l-ewwel darba li t-terroristi tal-ISIS ħadu responsabbiltà għal xi attakki li seħħew fil-passat fit-territorju tat-Taġikistan.
Intant, il-pulizija fit-Taġikistan, fl-aħħar sigħat, għalqu l-aċċessi mit-toroq fiz-zona speċifika tal-isparaturi, bl-awtoritajiet mal-fruntiera fuq in-naħa tal-Użbekistan ikomplu josservaw is-sitwazzjoni bir-reqqa.
Rapporti oħra qalu li ħamsa fost ‘il-militanti tal-ISIS’ inqabdu priġuniera wara l-attakk – bir-ritratti li ttieħdu mix-xena tal-battalji juru diversi katavri (uħud maħruqin) mifruxin madwar il-karozzi fl-inħawi.
L-attakk fuq iċ-checkpost seħħ ftit wara r-rapporti li t-Taġikistan u l-Użbekistan kienu qablu biex jirrisolvu kwistjoni relatata mal-fruntiera komuni u li kienet ilha tbaqbaq. Il-ħsieb taż-żewġ pajjiżi, allegatament, hu li jiffirmaw ftehim relatat qabel l-aħħar ts-sena.
//= $special ?>