Il-Membri Parlamentari Ewropew approvaw bis-sħiħ Abbozz ġdid ta’ Liġi Ewropea dwar is-sigurtà tad-Dokumenti ta’ Identità, immexxi mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Ir-Rapport Metsola, li jistabbilixxi sistema online ta’ dokumenti foloz u awtentiċi, ġie approvat mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni b’maġġoranza kbira. Dan il-vot ittieħed illum wara ġimgħat ta’ negozjati mal-gruppi politiċi kollha.
Roberta Metsola, li hi r-Rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar din il-Liġi l-ġdida, qalet li rridu nsibu l-għodod użati min-netwerks kriminali li jisfruttaw dawk vulnerabbli u jimminaw is-sigurtà tal-fruntieri tagħna. Il-frodi tad-dokumenti ddgħajjef is-sigurtà interna taż-Żona Schengen għax hi żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interna.
L-MEP Maltija kompliet li l-Liġi l-ġdida tindirizza speċifikament din l-isfida billi tiżgura koperazzjoni msaħħa mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-istati msieħba dwar dokumenti awtentiċi u foloz. Fl-aħħar dan jiggarantixxi s-sigurtà tal-fruntieri esterni tagħna u taċ-ċittadini tagħna.
Issa, Roberta Metsola se tmexxi n-negozjati mal-Istati Membri kollha fil-Kunsill u fil-Kummissjoni Ewropea dwar din il-Liġi. Hi għandha l-għan li tiffinalizza din il-Liġi sal-aħħar tas-sena.
Din se tgħin aħjar lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-istati msieħba fis-sejba u l-identifikazzjoni ta’ dokumenti foloz permezz ta’ assistenza f’ħin reali pprovduta mill-Frontex. Ladarba tiġi approvata, il-Liġi tikkonkludi r-riforma tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Roberta Metsola kienet ukoll ir-Rapporteur tal-Parlament dwar din il-Liġi, li se ddaħħal 10,000 Gwardja ġdida tal-Fruntiera u tal-Kosta, li se jkollhom is-setgħa li jiġġieldu l-kriminalità transkonfinali u jaħdmu fuq każi ta’ nies li mhux eliġibbli jaqsmu l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>