Waterpolo

Debutt diffiċli għat-tim tan-nisa ta’ Exiles

It-tim tan-nisa tal-Exiles kienu kuraġġużi li sar l-ewwel tim Malti li pparteċipa fil-‘Women Euro League’ li f’termini aktar sempliċi hija ċ-Champions League fil-waterpolo.
Kienu jafu li m’hemmx seedings, anzi kienu jafu li l-probbalità kienet li se jiffaċċaw l-aqwa fl-Ewropa, li tfisser ukoll l-aqwa fid-dinja.
Kien bejn 31 ta’Ottubru u t-3 ta’ Novembru li t-tim tliet darbiet konsekuttivi champions ta’ Malta ħa sehem fi Grupp, ġewwa Ostia l-Italja, f’rawnd preliminari organiżżat mill-LEN fejn ipparteċipaw 18-il klabb li ġew maqsuma f’erba’ gruppi.
Fi Grupp A kien hemm il-‘holders’ preżenti, r-Russi Kinef Kirishi, li rebħu l-grupp.
Flimkien ma’ dawn kien hemm l-Ungeriżi Dunaujvaros, it-Taljani SIS Roma, l-Olandiżi ZV De Zaan u l-Maltin Exiles.
Ikkwalifikaw l-ewwel tlieta bl-Olandiżi u l-Maltin jiġu eliminati.
Kien il-Ħamis 31 ta’Ottubru l-mument storiku għall-Exiles meta lagħbu kontra SIS Roma li kienu qed jospitaw dan il-Grupp.
Il-klabb Taljan għeleb lil Exiles 26-2. Il-gowls tal-Exiles ġew skorjat mill-Olandiża Eline Antonissen.
L-għada Exiles lagħbu kontra kontra ċ-Champions tas-sena l-oħra, r-Russi Kinef Kirishi, li rebħu 31-3. It-tliet gowls tal-Exiles waslu minn Alyssa Diacono, Michela Zammit u Rhea Cutajar.
Is-Sibt li għadda Exiles lagħbu t-tielet logħba kontra r-rebbieħa tal-grupp Dunaujvaros u tilfu 21-5.
Għall-Exiles kien l-aħjar riżultat bil-gowls tal-Exiles jaslu minn Emily Diacono li skorjat tlieta, u gowl kull wieħed minn Kendra Navarro u Michela Zammit.
Exiles lagħbu l-aħħar partita l-Ħadd li għadda kontra l-Olandiżi ta’ ZV De Zaan fejn tilfu 28-1 bil-gowl tal-Maltin jasal minn Alyssia Diacono.
Fi Grupp B ħadu sehem erba’ tims fejn Budapest rebħu l-grupp u magħhom għaddew Sant Andreu Tetteroo ta’ Spajna.
Fi Grupp C fejn il-partiti saru f’Berlin ħadu sehem ħames klabbs.
It-Taljani Plebiscito Padova rebħu l-grupp u għaddew magħhom għat-tieni fażi Zuglo u Spandau li kkwalifikaw filwaqt li Olympia Kosice ġew eliminati.
Minn Grupp D fil-partiti li saru f’Utrecht Olanda. Ir-Russi Uralochka rebħu l-grupp u magħhom għaddew għat tieni fażi l-Olandiżi Utrecht u l-iSpanjoli Mataro waqt li Ferencvaros ġew eliminati.
L-ewwel tliet klabbs ta’ kull grupp kwalifikaw għall-fażi li jmiss, b’kollox dawn it-tnax issa qegħdin flimkien ma’ erba’ oħra, li huma Sabadell ta’Spanja, l-Griegi Olympiacos u Vouliagmeni u t-Taljani Orizzonte.