Futbol Sport

FILMAT: Aidan Friggieri b’mira biex jagħmel dak kollu meħtieġ u jkollu karriera barra minn Malta

Aidan Friggieri, plejer ta’ 21 sena li diġà lagħab aktar minn 100 logħba fil-Kampjonat Premier. Żagħżugħ li lagħab ma’ tliet klabbs fl-ogħla diviżjoni Maltija u għandu mira li xi darba jirnexxilu jilgħab barra minn Malta. Fil-passat, Friggieri kellu provi ma’ klabbs barranin iżda għal xi raġuni jew oħra qatt ma saru realtà. Mistoqsi x’diffikultajiet isibu barra minn Malta, Friggieri wieġeb hekk: “Diffikultajiet issib ħafna għax hemm futbol biss mhux tqum tmur għax-xogħol jew skola u anki bħala training, titħarreġ darbtejn. Mhux faċli, irrid nibqa’ naħdem, għadni żgħir u ċ-ċans jiġi żgur.”

Fiż-żmien meta Aidan Friggieri lagħab ma’ Sliema Wanderers, kien hemm mal-klabb l-attakkant internazzjonali Malti Michael Mifsud. Bil-prestazzjonijiet li kellu fil-bidu tal-karriera tiegħu, ħafna bdew ixebħu lil Friggieri ma’ Mifsud, anki minħabba l-veloċità u t-tul tiegħu. Hu jinsab grat tal-għajnuna li rċieva mingħand Mifsud u ammetta li dan il-fatt tefa’ xi tip ta’ pressjoni fuqu. Iżda x’wassal biex Aidan Friggieri telaq lil Sliema? “Kien hemm ħafna raġunijiet fejn kelli niċċaqlaq u dejjem nara għall-aħjar tiegħi fejn nista’ nikber u nilgħab iktar.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-esperjenza ma’ St. Andrews kienet imħallta hekk kif anki minħabba li weġġa’ f’xi okkażjonijiet, ma kellux il-kontinwità mixtieqa, bit-tim ma jibqax b’saħħtu kemm kien meta ngħaqad magħhom. “Bdejt ħafna pożittiv fejn kellna tim tajjeb ħafna imma imbagħad kellna d-diffikultajiet. Spiċċajna f’pożizzjoni ħażina għaliex spiċċajna relegati imma dawk titgħallem minnhom.”

B’St. Andrews relegati, Aidan Friggieri xtaq jibqa’ fil-Kampjonat Premier u għażel lil Gudja United għaliex “rajt li l-kowċ ħa jemmen fija, nista’ nikber, nerġa’ naħdem kif kont u finalment nagħmel il-pass li jmiss biex nilgħab barra minn Malta.” Gudja kellhom bidu ftit diffiċli fil-Kampjonat Premier hekk kif wara erba’ draws sofrew erba’ telfiet konsekuttivi, sakemm waslet l-ewwel rebħa kontra Birkirkara t-Tnejn li għadda. Aidan Friggieri jsostni li jemmen fit-tim u l-kowċis li jistgħu jdawru l-folja u t-tim isalva postu fl-ogħla diviżjoni.

(Ritratt: Gudja United)

Il-karriera ta’ Aidan Friggieri sa issa

Aidan Friggieri għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ Sliema Wanderers fit-30 ta’ Novembru tal-2014 fl-età ta’ 16-il sena. Kien il-kowċ Stephen Azzopardi li tah id-debutt fit-telfa ta’ 2-0 kontra Floriana u reġa’ daħal bħala sostitut fil-logħba ta’ wara kontra Hibernians. L-ewwel gowl tiegħu fil-Kampjonat Premier wasal fl-14 ta’ Diċembru tal-2014 fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Qormi. Hu kien għamel l-iskor 3-1 fit-72 minuta f’dik li kienet l-ewwel logħba tiegħu li beda mill-bidu. Fl-istaġun 2014/15 hu lagħab aktar logħbiet u fl-istaġun ta’ wara kien plejer regolari fit-tim Slimiż fejn anki kien parti mit-tim li rebaħ l-FA Trophy.

Iżda fl-istaġun 2016/17, Friggieri tilef postu fl-iskwadra mmexxija minn John Buttigieg u f’Jannar tal-2017 hu beda esperjenza ġdida fil-Kampjonat Premier ma’ St. Andrews. Il-winger lagħab l-ewwel logħba mal-klabb il-ġdid tiegħu fid-draw ta’ 1-1 kontra Valletta lejn tmiem Jannar. L-esperjenza ta’ Friggieri ma kinitx l-aqwa waħda possibbli hekk kif lejn tmiem l-istaġun 2017/18 tilef diversi logħbiet u fl-istaġun li għadda naqas li jsib ix-xibka. B’St. Andrews ikunu dgħajfa fit-tieni parti tal-istaġun, Friggieri ftit seta’ jiffjorixxi u bit-tim li spiċċa relegat għall-Ewwel Diviżjoni, għażel li jħalli lill-klabb.

F’dan is-sajf, Friggieri ngħaqad ma’ Gudja United bl-għan li jilgħab regolari u jtejjeb il-kwalitajiet tiegħu wara li kien ġej minn staġun diffiċli. Sa issa hu lagħab f’sitt logħbiet tal-kampjonat u skorja żewġ gowls kontra l-eks klabb Sliema Wanderers u Gżira United. Hu tilef tliet logħbiet minħabba li kien imweġġa’. B’kollox sa issa fil-Kampjonat Premier, Aidan Friggieri skorja total ta’ 11-il gowl fi ftit aktar minn 100 logħba fil-Kampjonat Premier.

(Ritratt: MFA)

L-esperjenza mat-timijiet nazzjonali

Żgur li l-aħjar esperjenza ta’ Aidan Friggieri mat-tim nazzjonali kienet lura fl-2014 meta bħala parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena, lagħab fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li sar f’pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Sergio Soldano. F’dik l-edizzjoni, Friggieri kien sab ix-xibka kontra l-Olanda. “Konna tajjeb ħafna anki bħala grupp konna magħqudin, konna naħdmu flimkien immorru wara l-iskola hemm, nagħmlu ħafna sigħat flimkien, naraw il-videos, training, jiġifieri l-atmosfera kienet tajba u kienet professjonali kif għandha tkun.”

Bħalissa Aidan Friggieri jifforma parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella u għadu eliġibbli li jilgħab ma’ din l-iskwadra fil-kompetizzjoni li għadha kif bdiet. Iżda hu għadu jrid jiġi msejjaħ mal-iskwadra nazzjonali tal-kbar. Madankollu Friggieri jibqa’ pożittiv li għad fadallu x’jitgħallem u jemmen “li jiġi merħba bih, imma jien ħa nibqa’ naħdem u nżomm saqajja mal-art.”