Kultura Lokali

Il-President u s-Sinjura Vella jniedu l-10 edizzjoni tal-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’

Il-President George Vella u s-Sinjura Vella segwew il-proċess tal-ipprintjar ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ ilbieraħ, hekk kif fil-jiem li ġejjin se jkun għall-bejgħ dan il-ktieb ta’ riċetti bi prezz ta’ €10, b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

Dan il-ktieb ta’ riċetti daħal fl-10 edizzjoni tiegħu, u t-tema ta’ din is-sena hija tal-ikel u l-prodotti Maltin.  Fih taħlita ta’ riċetti ħfief u oħrajn iktar elaborati minn 10 kokijiet minn restoranti stabbiliti, lukandi rinomati u l-kok tal-Palazz, kif ukoll bosta riċetti ta’ cocktails minn mixologist u lettur tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).

‘Tisjir mill-Qalb’ jikkonsisti fi kważi 180 paġna u se jkun ippubblikat kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Għall-ewwel darba sar bi stil differenti minn tas-soltu, għax wieħed isib 18-il menu, b’entrée, l-ewwel platt, it-tieni platt, u d-deżerta, għal total ta’ 72 riċetta differenti.  L-aħħar kapitlu hija ddedikata għall-cocktails bi 8 riċetti li wkoll jistgħu jsiru minn prodotti lokali.

Meta kien qed iżur lid-diriġenti u ħaddiema tal-Best Print, il-President Vella rringrazzja lil kull min ta kontribut biex setgħet issir din l-edizzjoni tal-ktieb, li tikkonsisti f’ikel ġenwin u li ma jagħmilx ħsara lil saħħitna.

Ħeġġeġ lin-nies biex jiksbu kopja ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’, għax b’hekk ikunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll lill-Malta Community Chest Fund Foundation, li teħtieġ il-ġenerożità tan-nies mhux biss fil-Milied iżda matul is-sena kollha.

Il-ktieb se jkun qed jinbiegħ mill-mccf.store, kif ukoll mill-Fiera tal-Ktieb. Infatti, fi tmiem il-ġimgħa l-President Vella se jkun qed jiffirma l-kotba ‘Tisjir mill-Qalb’ lil kull min jakkwistah mill-Fiera tal-Ktieb.