Il-Qorti laqgħat it-talba ta’ Repubblika u ordnat inkjesta dwar allegat koruzzjoni mill-bejgh ta’ passaporti mid-ditta Chetcuti Cauchis, dan sabiex issir investigazzjoni kriminali mill-qorti maġisterjali.
Dan wara li l-istqarrijiet xokkanti u skandaluzi li ħarġu mid-dokumentarju li xxandar ftit tal-ġimgħa ilu fuq l-istazzjoni M6 fi Franza. Kienu filfatt, ġurnalisti Franċiżi li produċew il-programm Enquête Exclusive tat-22 ta’ Settembru, fejn kienu kixfu dak li huma sejjħu rabtiet mill-qrib li hemm bejn aġenti tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u membri tal-Kabinett ta’ Muscat.
Rappreżentanti tad-ditta legali Chetcuti Cauchi inqabdu b’kamera moħbija jikkummentaw dwar il-manuvri tagħhom biex ibiegħu l-passaporti bl-iskema tal-IIP.
F’waħda mill-istqarrijiet li l-aktar ixxokjat lil dawk li segwew, wieħed mir-rappreżentanti jispjega kif fil-proċess biex tikseb il-passaport Malti b’din l-iskema “jistgħu jagħlqu għajnejhom” u jduru mar-regoli. Dan apparti li l-produzzjoni irreferiet għat-tmexxija tal-Gvern f’Malta bil-frażi “ġenna ta’ korruzzjoni”.
Fil-filmat li ħareġ lura f’Settembru l-ġurnalisti Franċiżi kienu qed jippużaw taparsi aġenti ta’ klijenti fl-Afrika li riedu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija. U l-avukati Maltin ma kienu jafu b’xejn.
Fil-programm li xxandar anke online, ir-rappreżentanti Maltin ma ddejqu xejn isemmu l-ħbiberiji li għandhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia. Ma jonqsux li jżevvnu wkoll isem il-Ministru Owen Bonnici, minħabba li hu kien jaħdem ma’ din id-ditta fil-passat.
Quddiem din l-umiljazzjoni, il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien spiċċa dahru mal-ħajt u kellu jissospendi l-liċenzja tad-ditta Chetcuti Cauchi.
Jason Azzopardi kien l-avukat li assista lil Republika f’din il-kawża.
//= $special ?>