Lokali

In-Nikolaos mhux aċċessibli

Fl-aħħar, il-Gvern induna li l-vapur Nikolaos – il-vapur li l-Gvern Laburista ġab mingħand il-barranin biex jingħaqad mal-flotta tal-Gozo Channel – mhux aċċessibbli. Madankollu, ftit li xejn jidher li se jagħmel biex iżid din l-aċċessibbiltà.

Sa mill-wasla tiegħu, dan il-vapur qajjem kontroversja u tħassib fost ħafna, primarjament għall-mod kif il-Gvern ġab dan il-vapur, ta’ aktar minn 32 sena, mingħand kumpanija Griega, minflok ma ħadmu f’xi tarzna Maltija. U għax iż-żmien qed jagħmel tiegħu, wara biss ħames xhur jopera, qed joħorġulu traċċi kbar ta’ sadid.

Barra minhekk, il-Gvern baqa’ qatt ma qal kemm il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas biex ikun jista’ jinkera dan il-vapur. Dan minkejja li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said kien żvela fil-Parlament li l-kirja titla’ għal eluf ta’ ewro fis-sena.

Iżda issa l-Gvern, permezz tal-Gozo Channel, kellu jammetti li dan il-vapur mhux aċċessibbli kif suppost. Dan permezz ta’ email xotta u mhux iffirmata, fejn ingħad li l-vapur se jieqaf milli jopera għal xahar sħiħ.

U hekk kif matul is-Sajf, kienu ħafna dawk li esprimew l-għadab tagħhom għall-fatt li miż-żona tal-parkeġġ m’hemmx lift biex wieħed jitla’ għaż-żona ewlenija tal-vapur, jidher li dan xorta mhux se jsir.

Dan hekk kif fl-email ingħad li l-vapur se jieqaf għal xahar sħiħ biex issir ir-rampa bejn it-Terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr għal fuq il-vapur. Bl-istess mod, jidher li mhux se jinbidel lanqas il-mod kif il-karozzi jitilgħu u jinżlu – jiġifieri dik ir-rampa waħda li tintuża’ għal dan l-għan.

Dan kollu qed juri kemm, anke f’dan il-każ, il-Gvern mhux jagħti każ id-diffikultajiet ta’ persuni li jridu jivvjaġġaw bejn iż-żewġ gżejjer. U minflok ma jagħmel investiment kif suppost biex il-Gozo Channel juża’ r-raba’ vapur ta’ kwalità, qed jagħżel li jibqa’ jitqammel b’vapur antik u rriċiklat.