Lokali Qorti

Infermier jammetti li poġġa cameras bil-moħbi fit-toilets tal-istaff femminili ta’ Mater Dei

Alexander Borg, Infermier fl-Isptar Mater Dei, ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh wara li poġġa cameras bil-moħbi fit-toilets tal-istaff femminili fl-Isptar. Borg, ta’ 28 sena mill-Fgura, ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Fil-Qorti, l-Ispettur Colin Sheldon qal li jirriżulta li l-vittmi ma kienux konxji li xi ħadd kien qed jinvadilhom il-privatezza tagħhom bl-iffilmjar. Flimkien mal-Ispettur Sergio Pisani, Sheldon qed imexxi l-Prosekuzzjoni.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Difensur Ishmael Psaila talab li isem l-akkużat ma jkun ippublikat. Iżda minkejja li l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, il-Qorti xorta ma laqgħetx it-talba għax qalet li ma tarax li hemm raġuni għalfejn dan għandu jsir.

L-Ispettur Sheldon qal li l-Prosekuzzjoni mhux titlob għal sentenza ta’ priġunerija, iżda li Borg għandu jingħata kura psikoloġika, filwaqt li jinżamm taħt probation. Dan anke wara li d-Dipartiment li jaħdem fih mistenni joffrilu l-għajnuna.

L-Avukat Psaila ġibed l-attenzjoni tal-Qorti li l-akkużat għandu kondotta nadifa u, għalkemm il-każ hu kriminali u kundannabbli, kollox idur madwar fatturi ta’ natura psikoloġika. Minflok, sentenza ta’ priġunerija tista’ tfisser biss li r-raġel imur “100 miljun pass lura”.

Wara li semgħet il-każ, il-Qorti qalet li s-sentenza se tingħata t-Tnejn li ġej, filwaqt li ordnat li jinqerdu l-filmati kollha li nġibdu. Borg inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000, filwaqt li ngħata ħinijiet meta jrid ikun id-dar.