Il-Ministri Laburisti jkomplu jżommu fit-tajjar lir-rappreżentant tal-Gvern fuq il-Bord tal-Planning Authority, id-Deputat Laburista Clayton Bartolo, li l-ġimgħa l-oħra kien wieħed minn dawk li vvutaw favur żvilupp skandaluż fil-Qala Għawdex.
Staqsejna lill-Ministru li taħtu taqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar, Ian Borg, dwar il-fatt li jidher li mhux vera li dan il-permess ħareġ skont il-policies, kif ilhom jinsistu kemm il-Prim Ministru kif ukoll l-istess Borg.
Iżda l-Ministru, minflok qed jara kif jagħmel biex jiddefendi dak li hu tal-Għawdxin, reġa għal darboħra infexx f’eloġju għal Clayton Bartolo u jgħid kemm għandu fiduċja fih.
Joħroġ għonqu għal Bartolo anke l-Prim Ministru ftit tal-ħin wara, meta mistoqsji minn Net News jarax lok ta’ riżenji wara dan il-vot oxxen, hu qal li din mhix kwistjoni ta’ riżenji imma ta’ policies.
Jidher ċar li fil-ferneżija li għandhom biex akkost ta’ kollox iżommu lil Clayton Bartolo fuq il-Bord tal-Awtorità, il-Ministri u l-Prim Ministru qed jonqsu milli jikkonvinċu li dan il-permess inħareg b’mod leċitu.
Iżda wara li kemm Muscat kif ukoll Ian Borg ilhom isemmu l-iskuża tal-policies minn dakinhar li ħareġ il-permess, issa d-diska bdiet tiżgarra.
Bdejna nhar il-Ħadd, meta Joseph Muscat, f’Għawdex stess qal li l-permess kien inġareġ skont ir-regoli. Iżda llum, mistoqsi minn ġurnalist ta’ Net News, hu qal li qatt ma qal li kienet kwistjoni ta’ policies, bies ftit tas-sekondi biss wara, mera lilu nnifsu u qal li iva dan il-permess kien ħareġ skont il-policies.
Insomma, l-Prim Ministru jidher li ma jafx aktar kif se jaqbad joħroġ minn din il-kobba mħabbla, u qed ibiddel il-verżjoni f’temp ta’ sekondi.
Dan il-permess huwa suġġett ta’ kontroversja taħraq tant li kienu diversi dawk li tkellmu kontra dan il-permess, inkluz l-eks mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant u l-Kandidat Laburista Cyrus Engerer, li t-tnejn li huma kkritikaw dan il-permess oxxen.
Izda issa aktar minn hekk, il-Perit Alex Torpiano ingħaqad ma’ diversi persuni oħra li tkellmu dwar kif dan il-permess mhux vera li nħareġ skont il-policy, kif qed iwieġbu l-Prim Ministru u l-istess Ian Borg, kull darba li qed ikunu ffaċċjati b’mistoqsijiet dwar il-permess għal villa bil-pool fil-Qala.C
Il-President ta’ Din l-Art Ħelwa spjega illi minbarra l-evidenza li s-sit intuża bħala residenza, punt li skont uħud ukoll huwa diskutibbli, il-policy titlob ferm aktar minn hekk. Fost l-oħrajn li l-iżvilupp ikun aċċettabbli fil-kuntest taż-żona li fih jinsab. Xi ħaga li skont Torpiano, dan l-iżvilupp fil-Qala ma kienx konformi magħha.
Iżda meta ppruvajnu nistaqsu lill-Ministru Ian Borg dwar dan, hu baqa ma taniex risposta, minkejja li bqajna ninsistu għal tweġiba.
//= $special ?>