Futbol

Malta tikseb l-ewwel punt

MALTA …………………….. 1
IŻRAEL ……………………. 1

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kiseb l-ewwel punt tiegħu fi Grupp B tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2021, meta spiċċa fi draw ta’ 1-1 kontra Iżrael f’logħba li ntlagħbet fis-Centenary Stadium.
Din kienet ir-raba’ logħba tat-tim Malti tan-nisa wara t-telfa ta’ 8-0 kontra d-Danimarka u telfiet identiċi ta’ 2-0 kontra l-Italja u l-Bożnja.
It-tim Malti kellu prestazzjoni ferm tajba bil-kowċ tat-tim Malti Mark Gatt jibda bl-istess formazzjoni li biha beda kontra t-tim Taljan.
Fit-12-il minuta l-ewwel periklu tal-avversarji permezz ta’ Avital iżda l-goalkeeper ta’ Malta Janice Xuereb salvat tajjeb.
Erba’ minuti wara konklużjoni ta’ Theuma għaddiet ftit barra u ħames minuti wara Xuereb imblukkat xutt ieħor ta’ Beck.
Fil-35 minuta freekick ta’ Cuschieri għadda ftit għoli u żewġ minuti wara Malta fetħet l-iskor b’azzjoni mibdija minn Cuschieri li qassmet lejn Borg li kompliet lejn Maria Farrugia li skorjat b’xutt preċiż fil-baxx.
Kif bdiet it-tieni taqsima Malta falliet ċans tad-deheb li tiskorja t-tieni gowl meta Brenda Borg falliet minn żewġ passi bogħod.
Il-Maltin kienu aħjar f’din it-taqsima u kellhom opportunita’ oħra tajba wara azzjoni personali ta’ Maria Farrugia li qabżet diversi plejers qabel ix-xutt tagħha kien salvat mill-goalkeeper.
Fit-63 minuta Iżrael kisbu l-gowl tad-draw b’xutt mill-ewwel ta’ Beck li għeleb għal kollox lil Xuereb.
Fl-aħħar fażi Iżrael għafsu għall-gowl tar-rebħa iżda l-Maltin iddefendew tajjeb biex kisbu punt meritat.
Malta: Janice Xuereb, Emma Lipman, Stefania Farrugia, Dorianne Theuma, Rachel Cuschieri (90 Martina Borg), Maria Farrugia, Shona Zammit, Jade Flask, Charlene Zammit, Brenda Borg (62 Ylenia Carabott), Nicole Sciberras (46 Alishia Sultana).
Iżrael: Hanit Schwarz, Lia Barkal, Opal Sofer (46 Marian Awad), Keren Goor, Shay Sade, Shahar Nakav, Shani David (46 Daniela Sofer) (58 Shira Elinav), Mor Efraim, Eden Avital, Karin Sendel, Sharon Beck.
Referee: Aleksandra Cesen (Slovenja).