Lokali

Miċħud l-appell kontra Central Link

It-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ippjanar ċaħad l-appell kontra l-proġett massiċċ u ferm kontroversjali tas-Central Link f’H’Attard.

Dan il-proġett li għalih opponew eluf ta’ nies u li se jiswa €55 miljun, assigura l-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Lulju li għadda minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ diversi esperti, residenti u bdiewa… dan għaliex se tkun qed tittieħed 49,000 metru kwadru ta’ art agrikola fejn anke se jitqaċċtu 549 siġra.

B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni stramba tat-tribunal, Claire Bonello, li tkellmet f’isem l-eluf li oġġezzjonaw qalet li l-ġlieda tagħhom mhux se tkun qed tieqaf hawn u se tmur quddiem il-Qorti tal-Appell… ser ikunu qed jittieħdu miżuri legali biex jiġi assigurat li l-proġett tas-Central Link ma jibdiex qabel ma jiġu deċiżi l-każijiet tal-qorti.

Jidher li l-objetturi kienu qed jikkunsidraw ukoll li jippreżentaw kawża kostituzzjonali fejn jitolbu ksur tad-dritt ta’ smigħ ġust wara li ma tħallewx jitkellmu ma’ Infrastructure Malta, li hija l-applikant u li taqa’ taħt il-Ministeru ta’ Ian Borg… Ministeru li fl-aħħar xhur kompla jeqred l-ambjent ta’ madwarna b’ħafna infrasstruttura bla pjan.

Mhux talli hekk, talli l-argument tagħhom li dan il-proġett se jkollu impatt negattivi fuq is-saħħa ta’ uliedhom kien iżżufjetat. L-objetturi baqgħu mingħajr ebda spjegazzjoni mill-Gvern ta’ Joseph Muscat kif u għaliex il-gvern mexa ’l quddiem bl-għoti tal-offerti qabel l-proġett kien approvat.