Lokali

Muscat qed “ifittex kompromess” ma’ Sadeen dwar l-ispazju meħud fil-Kottonera

Filwaqt li ftaħar li qed jaħdem għar-riġenerazzjoni soċjali tal-Kottonera, il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jippermetti li l-iżviluppaturi Ġordaniżi jaħtaf l-aħħar spazji pubbliċi fil-Kottonera.

Waqt konferenza dwar ir-riġenerazzjoni soċjali fil-Kottonera fil-Forti Sant’Anġlu, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li jinżammu l-ispazji miftuħa.

Iżda mistoqsi dwar l-ispazji li se jieħu l-Grupp Sadeen, Muscat wieġeb li qed ifittex kompromess mal-Ġordaniżi, u bhal donnu qed jinjora l-appelli qawwija tar-residenti tal-Isla.C

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-komunita’ Sengleana ipprotestat dwar it-teħid ta’ dawn l-ispazji pubbliċi. Fost dawk li tkellmu kontra dan il-proġett kien hemm id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield, li iżda ma tkellem xejn dwar dan waqt din il-konferenza.

Waqt l-istess konferenza, Joseph Muscat qal li l-uniku proġett li sar fil-Kottonera fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti kien bankina … meta kulhadd jaf li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti wettqu lista twila ta’ proġetti kbar, fosthom il-Baċir Numru Wieħed, id-Dar tal-Anzjani f’Bormla, il-Ġnien ta’ Bormla, ir-restawr tal-fortifikazzjonijiet u x-Xatt tal-Birgu fost ħafna oħrajn.