Futbol Sport

PSG jikkwalifikaw ukoll … id-difensur ta’ Man City Kyle Walker jispiċċa gowlkiper

(Ritratt: UEFA Champions League)

Paris Saint-Germain sar it-tielet tim li kkwalifika matematikament b’rebħa ta’ 1-0 fil-Parc des Princes kontra Club Brugge. MAURO ICARDI skorja l-gowl deċiżiv meta skorja mill-qrib wara kross mil-lemin.

Atalanta kisbu l-ewwel punt fi Grupp Ċ wara draw ta’ 1-1 f’San Siro kontra Manchester City. RAHEEM STERLING fetaħ l-iskor wara seba’ minuti meta rċieva bit-takkuna mingħand Gabriel Jesus u skorja minn qagħda ideali. Gabriel Jesus falla penalty fit-43 minuta, b’Atalanta jġibu d-draw fid-49 minuta bi kross ta’ Alejandro Gomes isib lil MARIO PASALIC li tħalla waħdu u skorja b’daqqa ta’ ras. Lejn it-tmiem, Manchester City kellhom jispiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa l-gowlkiper sostitut Claudio Bravo, bid-difensur Kyle Walker jidħol fil-lasta.

Atletico Madrid fallew opportunità li jikkwalifikaw wara li kienu megħluba 2-1 minn Bayer Leverkusen. Awto-gowl ta’ Thomas Partey ta’ 40 minuta u gowl ta’ KEVIN VOLLAND fil-55 minuta taw vantaġġ doppju lill-Ġermaniżi. Nadiem Amiri tkeċċa fl-84 minuta, b’ALVARO MORATA jnaqqas id-distakk lejn it-tmiem.

Real Madrid kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 f’Estadio Santiago Bernabeu kontra Galatasaray. RODRYGO ta vantaġġ doppju lill-Madrileni wara seba’ minuti u SERGIO RAMOS għamilhom tlieta fl-14-il minuta minn penalty. KARIM BENZEMA kabbar il-vantaġġ qabel tmiem l-ewwel taqsima mill-viċin, bl-istess BENZEMA jiskorja l-ħames gowl fil-81 minuta. RODRYGO għalaq il-logħba fit-93 minuta għal tripletta personali.

Tottenham ukoll jinsabu qrib il-kwalifikazzjoni wara li għelbu lil Red Star Belgrade 4-0 barra minn darhom. GIOVANI LO CELSO fetaħ l-iskor fl-34 minuta minn azzjoni persistenti biex HEUNG-MIN SON għalaq il-logħba b’doppjetta fis-57 u l-61 minuta. CHRISTIAN ERIKSEN żied gowl ieħor fil-85 minuta.

Draw ta’ 3-3 bejn Dinamo Zagreb u Shakhtar Donetsk. ALAN PATRICK fetaħ l-iskor fit-13-il minuta iżda BRUNO PETKOVIC ġab id-draw għal Dinamo Zagreb. Iż-żewġ naħat kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas, b’erba’ gowls jaslu lejn it-tmiem. LUKA IVANUSEC fit-83 minuta u ARIJAN ADEMI fid-89 minuta taw vantaġġ doppju lill-Kroati sakemm JUNIOR MORAES fit-93 minuta u penalty ta’ TETE fit-98 minuta evitaw it-telfa għal Shakhtar Donetsk.

Riżultati kollha

Grupp A: PSG v Club Brugge 1-0, Real Madrid v Galatasaray 6-0

Grupp B: Bayern Munich v Olympiacos 2-0, Red Star Belgrade v Tottenham 0-4

Grupp Ċ: Atalanta v Manchester City 1-1, Dinamo Zagreb v Shakhtar Donetsk 3-3

Grupp D: Bayer Leverkusen v Atletico Madrid 2-1, Lokomotiv Moscow v Juventus 1-2