Lokali

“Tinħtieġ bidla fil-mentalità fl-ippjanar” – Marthese Portelli

“Il-politiċi għandhom responsabbiltà kbira biex jipproteġu l-fibra ta’ pajjiżna.  Aħna għandna kultura mill-isbaħ, iżda aħna pajjiż żgħir, b’popolazzjoni kbira.. u din hija uġigħ ta’ ras għall esperti tal-ippjanar… aktar w’aktar meta jkollok nuqqas ta’ viżjoni fit-tul”.

Hekk qalet id-Deputat Nazzjonalista u Kelliema tal-Oppożiżżjoni dwar il-Proġetti Kapitali u l-Ippjanar, Marthese Portelli waqt li kienet qed tindirizza konferenza dwar l-arkitettutra u l-ippjanar, li għaliha kienu mistednin periti u professjonisti oħra li jaħdmu fil-qasam.

Marthese Portelli saħqet li Malta jeħtieġ li tkun aktar innovattiva – innovazzjoni li ma tistax isseħħ f’vacuum u li sabiex isseħħ jeħtieġ jittieħdu deċizjonijiet politiċi tajbin u jeħtieġ ikollna l-persuni addattati biex iwettquha.

Portelli qalet li hemm bżonn ta’ bidla fil-mentalità minn waħda ta’ permessi għal waħda ta’ ppjanar, u li jeħtieġ ukoll policies aktar b’saħħithom

Hi appellat biex l-Awtorità tal-Ippjanar tkun il-vuċi tar-raġuni.

Intant f’diskors li għamel il-Ministru Ian Borg fl-istess konferenza, hu appella lill-periti għal pjanar aħjar.ppe Appell pjuttost sorprendenti meta l-Prim Ministru ftit tax-xhur ilu saħaq li ma jemminx fi ppjanar fit-tul.

Kienu diversi l-kelliema f’din il-Konferenza, fosthom il-Professur Ingliż Maxwell Hutchinson li tkellem fost l-oħrajn dwar l-impatt tal-binjiet u d-dellijiet tagħhom fuq iz-zoni ta’ madwarhom.

Semma wkoll il-kunċett tad-dritt għad-dawl f’kull binja u qal li perit irid jara li binja tissodisfa tlett rekwiziti. Jiġifieri li jkun b’saħħtu, li jkun iservi l-bżonnijiet għalxiex qed jinbena, u li jkun pjaċevoli għall-għajn, f’armonija mal-ambjent tal-madwar.