Lokali

Viċi Sindku Laburista jirrapporta lis-Sindku tiegħu stess għand il-Pulizija

Tisħon il-qiegħa bejn in-nies ta’ Ian Borg u dawk ta’ Silvio Schembri f’Ħad-Dingli.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem l-eks Sindku Laburista Sandro Azzopardi, illum Viċi Sindku u impjegat fil-Ministeru ta’ Ian Borg irrapporta lis-Sindku Raymond Schembri lill-Pulizija. Dan tal-aħħar hu kanvasser ta’ Silvio Schembri.

Il-kwistjoni hi dwar post ta’ parkeġġ quddiem ħanut tal-merċa li żmien ilu kien immarkat bħala post riservat għall-vannijiet u trakkijiet li jfornuh. Dan kien tħassar.

Fl-aħħar jiem is-Sindku ġdid, ukoll tal-Partit Laburista, reġa’ żebgħa bl-isfar dan il-parking.

L-istess Azzopardi bagħat email lill-membri tal-Kunsill fejn irrapporta lis-Sindku b’xogħol illegali u li qabeż lill-Kunsill Lokali.

Fl-email, ikkopja wkoll lill-Pulizija u qal li Schembri ma talabx permess biex issir Un/Loading Bay, bis-Sindku jirritalja. Azzopardi qed ikun akkużat minn persuni qrib din il-kwistjoni li wettaq abbuż ta’ poter meta ordna li titħassar iż-żebgħa safra sempliċiment għax hu jaħdem f’Ministeru li taħtu taqa’ Transport Malta.

Fir-rapport tiegħu, fost oħrajn Azzopardi jiddikjara li din iż-żona hi magħrufa bħala post bi problemi ta’ parkeġġ.

Net News ilu josserva din iż-żona, u joħroġ ċar li din hi biss skuża. Ritratti meħuda f’ħinijiet differenti juru kif mill-inqas post ta’ parkeġġ quddiem dan il-ħanut ikun dejjem vojt. Ta’ min jinnota wkoll li fiż-żona ħafna mill-abitanti huma anzjani li ma jsuqux jew sidien ta’ garaxxijiet.

U jekk Azzopardi qed jirreferi għall-ħin tal-ftuħ tal-ħanut, allura bid-deċiżjoni tiegħu sforza lil tad-deliveries jipparkjaw ħażin, f’nofs ta’ triq.

Il-pika bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku kienet bdiet qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Meta Schembri qalibha lil Sandro, nies qrib Ian Borg ħalfu li ma jħalluhx jaħdem.

Din hi sitwazzjoni li Ħad-Dingli kien diġa għaddha minnha fi żmien l-eks Sindku Laburista Venera Micallef. Il-pjan kontra din tal-aħħar kien ħadem sal-punt li rrendew il-ħidma tal-Kunsill inutli; Micallef ma kinitx reġgħet ħarġet bħala kandidata u Azzopardi tela’ Sindku.