Kunsilli Lokali Lokali

Kontra żvilupp biswit is-swar tal-Floriana

Preżentament hemm applikazzjoni biex fit-telgħa ta’ Sa Maison, qrib ħafna tas-swar tal-Floriana tinbena binja li se tkun qed isservi bħala Fire Station Department.  Xi ħaġa li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qed joġġezzjonaw bi sħiħ dan l-iżvilupp deskritt bħala li se jagħmel “ħsara lil estetika tal-Furjana, li tistona mal-bqija tal-karattru ta’ ħdura u spazji miftuħa tal-lokalità għax id-diżinn hu ta’ blokka massiva”

F’kumment li ta lil in-Nazzjon il-Minority Leader tal-PN fil-Furjana James Aaron Ellul li fl-applikazzjoni m’hemmx biżżejjed informazjoni biex tkun analizata sew mill-pubbliku, infatti l-unika pjanti li hemm huma ta’ żewġ faċċati. 

Huwa tenna li fil-pjan lokali, iz-zona hija indikata bħala ‘Areas of Open Space – To retain Open Space Character’. Defenizzjoni ċara li l-art għandha titħalla bħala spazju miftuħ.  (Policy GF13)

Il-Kunsillier tal-PN sostna li l-Furjana hija UCA (Urban Conservation Area) u b’hekk id-diżinn irid jikkumplimenta dan. Kompla billi qal li l-għoli tal-bini jrid ukoll jiġi studjat. 

“Mill-pjanta, jidher li se jibnu “swar” tal-konkos (fair faced concrete) li dan żgur ma jistax jiġi aċċettat.”

Ellul qalilna li faċċata tal-imsemmi proġett hemm il-bieb ta’ Notre Dame  li hu ta’ importanza storika għal Malta u saħħaq li l-possizjoni ta’ dan il-proġett ma jikkumplimentax l-ambjent storiku tal-madwar.

Fl-aħħar kumment tiegħu James Aaron Ellul qal li hu flimkien mal-Kunsilliera Justine Palmier, isostnu li l-Furjana jeħtieġ li titħares u li jitħarsu r-residenti. 

Huwa tenna li l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu jħarsu lejn il-Floriana bħala post tal-uffiċini u d-dipartimenti, iżda bħala lokalità li għandha identità b’saħħitha u unika.  

Fl-aħħar ħin fuq post fuq Facebook James Aaron Ellul ħabbar li l-Kunsill oġġezzjona wkoll għal dan l-iżvilupp.