Internazzjonali

Pompeo jikkritika lir-Russja u ċ-Ċina iżda jammetti li n-NATO teħtieġ li tinbidel

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li l-Alleanza tan-NATO għandha tiżviluppa filwaqt li taddotta process ta’ bidla biex ma tispiċċax entità ‘barra minn lokha’.

Il-kummenti ta’ Pompeo, waqt diskors f’Berlin, qegħdin jitqiesu bħala sinfikanti u wara li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ċaħdet il-kliem precedent tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, li kien irrefera għan-NATO bħala ‘alleanza li qed tmut’.

Sadanittant, Pompeo – li enfasizza li l-Alleanza tan-NATO hi fost l-aktar importanti fl-istorja – għamilha ċara li n-NATO teħtieġ ‘tikber u tinbidel’, 70 sena wara t-twaqqif tagħha. Dan meta l-Alleanza trid tikkonfonta r-realtajiet u l-isfidi tallum.

‘Jekk il-pajjiżi jemmnu li jistgħu jgawdu l-benefiċċju tas-sigurtà mingħajr ma jipprovdu lin-NATO bir-riżorsi li għandha bżonn, hemm sogru li l-Alleanza tispiċċa ineffettiva jew żejda, fiċ-ċirkustanzi,’ kompla Pompeo, waqt id-diskors f’Berlin. Hu tenna wkoll il-ħtieġa li l-Istati-membri tal-Alleanza jirrispettaw l-impenji li daħlu għalihom.

Fid-diskors, Pompeo ikkritika lir-Russja dwar it-trattament tal-avversarji politiċi waqt li sostna li t-tattiċi taċ-Ċina għandhom jitqiesu bħala ‘familjari’ għar-residenti tal-eks Ġermanja tal-Lvant komunista. Hu, imbagħad,  iddettalja sitwazzjoni fejn ‘il-pajjiżi ħielsa jinsabu f’kompetizzjoni ta’ valuri ma’ pajjiżi anqas ħielsa’.

Mike Pompeo mar fil-Ġermanja qabel it-30 anniversarju tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, fl-1989.Filwaqt li rrifletta fuq il-lezzjonijiet li ħarġu mit-twaqqigħ tal-Ħajt, is-Segretarju tal-Istat Amerikan qal li ‘kulħadd, inkluż il-Punent, qed jidhru li tilfu t-triq wara l-ewforija ta’ dak il-mument storiku’.

Hawnhekk Pompeo qal li ‘kienu żbaljati dawk li ħasbu li jistgħu jdawwru r-riżorsi tagħhom ‘il hinn mill-alleanzi u l-aspetti militari’, meta r-Russja qed tinvadi lill-pajjiżi ġirien filwaqt li toqtol lill-avversarji politiċi tagħha’.

Meta rrefera għaċ-Ċina, Mike Pompeo qal li l-Partit Komunista f’Beijing ‘qiegħed ifassal viżjoni ġdida tal-awtoritarjaniżmu’. Dan waqt li hu wissa lill-Ġermanja biex ma tużax l-entità Ċiniża Huawei Technologies ( tat-tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet) biex tibni d-data network ( 5G) tal-ħames ġenerazzjoni.

Sadanittant, iċ-Ċina kkritikat lil Mike Pompeo dwar kummenti  precedenti li hu kien għadda dwar il-Partit Komunista f’Beijing, fost stqarrija ‘li dawn kienu kummenti ferm perikolużi u li jikxfu l-intenzjonijiet malinni tas-Segretarju tal-Istat Amerikan’.