Internazzjonali

Sturgeon: ‘Il-futur tal-Iskozja jiddependi mill-elezzjoni’

Il-Kap tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż (SNP), Nicola Sturgeon, inawgurat il-kampanja elettorali tal-partit tagħha waqt li għamlitha ċara li ‘vot lill-SNP għandu jfisser vot biex l-Iskozja tikkontrolla d-destin tagħha’.

Sturgeon, waqt diskors f’Edinburgh, qalet li l-elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru fir-Renju Unit għandha tkun ‘l-aktar importanti fil-ħajja tal-Iskoċċiżi’. Dan għaliex, skont hi, ir-riżultat se jiddetermina l-futur tal-Iskozja ‘għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara’.

Nicola Sturgeon, bħala l-Ewwel Ministru tal-Iskozja, trid torganizza tieni referendum dwar l-indipendenza tal-Iskozja, matul is-sena d-dieħla.

Intant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, kien qal, waqt żjara fl-Iskozja nhar il-Ħamis, li hu se jistinka ‘biex ir-Renju Unit jibqa’ magħqud u biex ma jsirx tieni referendum għall-indipendenza tal-Iskozja’.

Il-Partit Liberali Demokratiku wkoll qed jopponi referendum ieħor għall-Iskoċċiżi.

Dan waqt li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni tenna li eżerċizzju għal Skozja indipendenti ‘la hu mixtieq u lanqas neċessarju’. Fil-fatt, il-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn, indika li mhux se jifforma referendum ta’ dan it-tip ‘fl-istadju formattiv ta’ Gvern Laburista potenzjali’.

Waqt id-diskors f’Edinburgh, Sturgeon wissiet li ‘il-kisbiet għall-Iskozja fl-aħħar 20 sena u l-potenzjal għal futur aħjar jinsabu taħt theddida mill-elementi estremisti fi ħdan il-Partit Konservattiv li jridu l-Brexit akkost ta’ kollox’. Il-Kap tal-SNP enfasizzat ukoll li ‘spiċċa injorat il-vot tal-Iskozja biex tibqa’ tifforma parti mill-Unjoni Ewropea’.

Nicola Sturgeon, fl-istess ħin, irrepetiet li vot lill-SNP se jkun vot ‘biex l-Iskoċċiżi jevitaw il-Brexit’ u biex huma ‘ma jippermettux li Boris Johnson u s-sistema mkissra f’Westminster ( Londra) jiddeċiedu l-futur tal-Iskozja’. Sturgeon anki għamlitha ċara li hi – f’każ li l-ebda partit ma jikseb il-maġġoranza fl-elezzjoni tax-xahar id-dieħel – mgħandhiex tidħol għal xi ftehim jew forma ta’ koalizzjoni mal-Konservattivi.