Futbol Sport

Ċinkwina Balzanija

(Ritratt: Domenic Aquilina)
Balzan jirritornaw għar-rebħ

Rapport: George Cassar

BALZAN………… 5

MOSTA………….. 0

Balzan: K. Naumovski, A. Loof, S. Bezzina, M. Johnson, A. Kosoric (Z. Grech 85’), P. Fenech (M. Grima 83’), S. Pisani, U. Ljubomirac, R. Correa, S. Dimic (R. Scicluna 76’), A. Majdevac

Mosta: A. Vella, D. Xuereb, D. Brown, T. Farrugia, C. Grech (Z. Brincat 46’), M. Muchardi (K. Gatt 89’), L. Villareal, A. Roach, J. Diouf, Weverton, M. Jallow (D. Bonnici 77’)

Imwissija: R. Correa 45’ (B), A. Vella 67’ (M), J. Diouf 72’ (M)

Skorjaw: U. Ljubomirac 3’, A. Loof 26’, A. Majdevac 41’, A. Majdevac –pen. 79’, R. Correa 85’ (B)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Thomas Debono, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Uros Ljubomirac (Balzan)

BOV Plejer tal-logħba: Andrija Majdevac (Balzan)

Balzan irreaġixxew tajjeb wara żewġ riżultati negattivi u skurjaw ħames darbiet kontra Mosta. Il-partita kienet deċiża bi tliet gowls fl-ewwel taqsima, li mbagħad mewtu t-tieni parti tal-logħba li baqgħet iddominata minn Balzan.

Wara li kienu għamlu serje ta’ tliet rebħiet, din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għal Mosta wara dik ta’ ġimgħa ilu kontra Floriana. Mosta ħassew in-nuqqas ta’ Rafael Morisco fid-difiża kif ukoll lil Nikola Kotlov li wkoll ma kienx fl-iskwadra hekk kif l-Amerikan kien qed ikun fost l-aħjar plejers offensivi tagħhom dan l-istaġun.

Għal Balzan kien attiv ferm Uros Ljubomirac li kien involut f’ħafna azzjonijiet fuq il-lemin u kien hu li beda r-rebħa ta’ Balzan wara inqas minn tliet minuti. Id-difiża ta’ Mosta naqset li tbiegħed il-kross mix-xellug ta’ Stefan Dimic u UROS LJUBOMIRAC kien pront ħataf il-ballun u sparah fix-xibka.

Il-vantaġġ ta’ Balzan irdoppja f’nofs l-ewwel taqsima meta l-gowlkiper ta’ Mosta Andreas Vella waqqa’ lil Andrija Majdevac fil-kaxxa u r-referee Slobodan Petrovic saffar penalty. Ix-xutt ta’ Andrija Majdevac ħabat mal-mimduda u mal-art qabel AUGUSTINE LOOF ħa r-rebound u skorja bir-ras.

Żewġ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima Balzan ittriplaw il-vantaġġ tagħhom meta Ricardo Correa niżżel tajjeb il-ballun lil ANDRIJA MAJDEVAC li ppenetra d-difiża Mostija qabel tefa’ wara Andreas Vella.

Ir-riżultat parzjali ta’ 3-0 qatel ħafna mill-entużjażmu tal-partita bil-Mostin ftit li xejn għamlu reazzjoni u sofrew żewġ gowls oħra lejn it-tmiem. Fid-79 minuta Andrija Majdevac ġera tajjeb għal pass ta’ Uros Ljubomirac iżda ġie mwaqqa’ minn daħla tard fil-kaxxa ta’ Tyrone Farrugia. Ir-referee saffar it-tieni penalty tal-logħba li reġa’ mar għalih ANDRIJA MAJDEVAC li din id-darba skorjah f’dak li kien is-seba’ gowl staġjonali għall-attakkant Serb.

Balzan approfittaw mill-moral baxx tal-plejers Mostin u żiedu gowl ieħor ħames minuti qabel skada l-ħin regolamentari. Is-sostitut Ryan Scicluna ta pass tajjeb lil RICARDO CORREA li evita d-difiża ta’ Mosta u għaqqad ċinwkina għal Balzan.