Triq il-Wied f’Ħal Balzan: għaddiet sena u nofs, u din it-triq għadha mhix lesta, bir-residenti għadhom jitkarrbu għal risposta dwar meta se titlesta din it-triq.
Fl-aħħar ġimgħat il-ħaddiema f’din it-triq prinċipali kont tgħoddhom fuq id waħda … u b’sorpriża għar-residenti, dawn kienu sempliċiment qed iqattgħu tarmak li kien għadu kif tpoġġa ftit jiem qabel.
F’Awwissu li għadda, Net News kien staqsa lill-Ministru Ian Borg għal data meta din it-triq se titlesta. Dakinhar hu kien ġab skuża, biex baqa’ ma ta l-ebda risposta dwar it-tlestija tal-proġett.
Tliet xhur wara li Ian Borg prova jbellagħhielna li x-xogħol miexi ġmielu, dawn il-filmati huma biżżejjed biex Ian Borg jinkixef li kien qed iqarraq.
Is-sitwazzjoni ġġebbdet tant li issa anke l-eks mexxej Laburista Alfred Sant spiċċa jikkritika l-abbandun li Gvern Laburista ħalla fih lir-residenti Balzanin.
Fl-aħħar sigħat, fuq il-midja soċjali, Sant fakkar lil kulħadd li x-xogħol f’din it-triq beda f’Ġunju tas-sena li għaddiet, u ddikjara li issa ilha xhur fi stat diżastruż u li t-triq għadha “magħluqa għat-traffiku, imħarbta, imħaffra u maqlugħa, b’xogħlijiet li donnhom ma jispiċċaw qatt jew jirrepetu ruħhom, it-trufijiet u l-ġnub tagħha mblukkati.”
//= $special ?>