Il-Multi-Sensory Rooms tal-Fondazzjoni Inspire għal darb’oħra qed jirċievu fondi minn Fundacion MAPFRE, Istituzzjoni li taħdem mingħajr qligħ li hija parti mill-Grupp MAPFRE. Is-somma ġeneruża ta’ €51,000 ingħatat biex tkopri l-ispejjeż ta’ dan is-servizz għas-sena li ġejja, servizz li minnu jibbenefikaw mijiet ta’ tfal.
Il-Multi-Sensory Rooms (MSR) tal-Inspire f’Marsascala, kienu mibnija apposta biex jgħinu fit-trattament ta’ tfal u adulti li jkollhom diffikultà biex jipproċessaw l-ambjent ta’ madwarhom (Sensory Processing Disorder (SDP)) – kundizzjoni fejn is-sinjali sensorji tal-individwu ma jiġux organizzati f’risponsi xierqa, u dan jikkawża li l-attivitajiet ta’ kuljum isiru sfida kontinwa. L-objettiv tas-servizz tal-MSR huwa li jipprovdi opportunità għal edukazzjoni permezz tal-istimolu tas-sensi lil dawk li għandhom diffikultà minħabba l-kundizzjoni tagħhom.
Dawn il-kmamar multisensorji jintużaw biex joħolqu attivitajiet li jiffukaw fuq sensi partikolari bħall-mess, il-vista, is-smigħ u l-moviment. Dan jagħti kontroll lill-individwu – possibbilment għall-ewwel darba f’ħajjtu. Dan jippermetti li persuni bi gradi differenti ta’ diżabilità jkunu jistgħu jbiddlu u jinfluwenzaw l-ambjent tagħhom b’mod pożittiv. Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, l-Inspire pprovdiet 2,493 sessjoni li minnhom ibbenefikaw madwar 450 klijent.
Il-Fondazzjoni Inspire tipprovdi servizzi ta’ edukazzjoni, terapija u ta’ divertiment lill-persuni li għandhom diżabilità, u b’hekk tgħinnhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom f’ħajjithom. Is-servizzi huma offruti mingħajr ħlas u l-NGO tiddependi fuq donazzjonijiet biex issostni u ttejjeb is-servizzi tagħha. .
//= $special ?>