Futbol Sport

Għaxar proposti mill-MFPA biex tissaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà tal-plejers tal-futbol

(Ritratt: maltafpa.com)

Il-Malta Football Players Association għamlet serje ta’ rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ is-sigurtà lill-plejers fil-livell kollha tal-futbol lokali. L-assoċjazzjoni Maltija tal-plejers qasmet il-proposti tagħha fi tliet setturi li huma Screening Mediku, Faċilitajiet u l-persuni mediċi u l-irwol tal-MFA u l-klabbs.

Dwar is-settur Screening Mediku, l-MFPA qed tipproponi li l-ECG u l-eżaminazzjoni fiżika jsiru darba tal-anqas darba kull sena, ir-rekords mediċi tal-plejers kollha għandhom jinżammu u jkunu aġġornati kull sena u l-plejers ta’ aktar minn 35 sena, għandu jsirilhom stess ECG kull sena.

Erba’ rakkomandazzjonijiet dwar is-settur tal-Faċilitajiet u l-persuni mediċi. Il-grawnds kollha fejn isir taħriġ jew partiti irid ikollhom tal-anqas apparat minimu mediku neċessarju filwaqt li s-sessjonijiet ta’ taħriġ u partiti jkunu jistgħu jibdew biss meta jkun hemm preżenti First Aider mħarreġ f’CPR u AED.

Proposta oħra hi li l-apparat mediku minimu jkun disponibbli ħdejn il-pitch u aċċessibbli għal mediku waqt il-partiti u t-taħriġ. L-MFPA qalet ukoll li għandu jkun hemm ambulanza speċifikament għall-futbol li tkun f’postijiet strateġiċi waqt il-partiti kollha.

Fit-tielet kategorija, l-MFPA qed isostni li l-klabbs iridu jimxu mar-rekwiżiti mediċi u jassiguraw li l-kriterji jintlaħqu. Huma sostnew li l-MFA trid tiżgura l-infurzar u tistabbilixxi proċeduri operattivi standard. Is-sessjonijiet b’xejn tal-First Aid isiru mandatorji kollha.

Dawn l-għaxar proposti qed isiru biex jinħolqu jew jitjiebu r-rikjesti li hemm bħalissa. L-MFPA tinsab f’diskussjonijiet mal-MFA.

Tags