Il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tiftaħ l-istaġun tal-karozzi bl-ewwel attività Autocross mill-Kampjonat Pasta Poiatti. L-attivitajiet kollha jsiru fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali bl-ewwel tellieqa tibda fil-11.00am. Għal dan l-istaġun se titnieda l-kamra tal-kontroll fejn sar xogħol estensiv fuqha wara 34 sena servizz. Dan kellu jsir malajr wara inċident żgħir ta’ nar fl-istess binja fis-sajf li għadda. Barra minn hekk fil-jiem li ġejjin se jsir xogħol biex il-korsa tkun tista’ terġa’ tibda tintuża b’tiġrijiet f’żewġ direzzjonijiet.
Fl-aħħar ġimgħat fetaħ l-istaġun tal-Muturi bil-ftuħ tal-Kampjonat Nazzjonali Trials. L-ewwel attività saret fil-Barriera tal-Ballut fil-Limiti tan-Naxxar. Fi Klassi A, Damon Bonello fuq TRS rebaħ l-ewwel attività segwit minn Rowen Bonello u Ian Scicluna t-tnejn fuq Beta. Attività oħra se ssir il-Ħadd 17 ta’ Novembru, bl-attività tibda fid-9.00am.
Ftit ġimgħat ilu beda l-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross b’fun race. Kyle Camilleri fuq KTM rebaħ Klassi A segwit minn Bernard Sammut fuq Beta u Mark Mamo fuq Yamaha. Klassi B intrebħet minn Ryan Faenza fuq Yamaha, b’Michael Sant fuq Husqvarna u James Mamo fuq Yamaha jispiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Għall-ewwel darba f’dan l-istaġun se jkun hemm kampjonat għal tfal li jipprattikaw dan l-isport. Fl-ewwel attività tal-klassi Juniors, Jose Azzopardi fuq mutur KTM iddominat l-klassi segwit minn Sheldon Camilleri Conti fuq Yamaha u Nicole Cutajar fuq Husqvarna.
Attività oħra Motocross tkun l-ewwel attività mill-Kampjonat Nazzjonali l-Ħadd fl-1 ta’ Diċembru. Din se ssir fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fl-10.00am.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, jew isir b’kuntatt b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.
//= $special ?>