L-avukat taż-żewġt aħwa akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bagħat kopja ta’ rapport tal-FBI lill-kumpanija Amerikana xi ħaġa li hija tmur kontra l-liġi. Dan sar biex ir-rapport tal-FBI jiġi nvestigat privatament.
Dan ġie żvelat fil-bidu tal-kawża dwar it-talbiet li qegħdin jagħmlu l-akkużat dwar l-att tal-akkużi fil-konfront tat-tliet irġiel akkużat bil-qtil tagħha permezz ta’ bomba li tpoġġiet fil-karorzza li qatlet lil Caruana Galizia viċin id-dar tagħha fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu.
Id-deputat Avukat Ġeneral Philip Galea Farrugia qal fil-Qorti li l-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għall-aħwa George u Alfred Degiorgio, bagħat parti mir-‘records’ tal-kumpilazzjoni, speċifikament ir-rapporti tal-FBI, lill-kumpanija Amerikani li hija kompletament m’għandha x’taqsam xejn mal-proċeduri u din hija xi ħaġa ‘tal-mistħija u li tmur kontra l-liġi’.
L-Avukat Galea Farrugia aċċenna li hu, bħala Prosekuzzjoni, lanqas biss għadda xi nformazzjoni jew ‘records’ lill-familjari tal-vittma. Qal li minn informazzjoni li għandu din il-kumpanija, u oħrajn bħalha jitħallsu eluf ta’ dollari u hawn huwa staqsa kif l-aħwa Degiorgio għandhom il-meżżi biex iħallsu dan kollu meta l-assi tagħhom jinsabu ffriżati.
Fil-Qorti ma ngħatatx informazzjoni għaliex l-Avukat tal-aħwa Degiorgio talbu lill-kumpanija Amerikana biex tinvestiga r-rapport tal-FBI. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qalet li issa huwa sta għall-Prosekuzzjoni biex jagħmlu rapport dwar il-każ lill-Pulizija.
Dwar dak li qalet il-Prosekuzzjoni, l-Qorti ddikjarat bil-qawwa kollha li “xejn minn issa ‘l quddiem m’għandu jgħaddi lil xi ħadd, individwu jew kumpanija, li m’għandu x’jaqsam xejn mal-każ.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll biex ir-rapport li sar mill-kumpanija Amerikana, jitneħħa mir-‘records’ tal-każ. Il-Qorti qalet li se tieħu deċiżjoni dwar dan fi stadju aktar il-quddiem.
Il-Qorti nnutat ukoll li l-akkużat l-ieħor, Vincent Muscat, għadu ma rnexxielux isib Avukat tax-xewqa tiegħu, u dan wara li kemm il-darba deher fil-Qorti mhux assistit legalment.
Għal din ir-raġuni, l-Qorti appuntat lill-Avukat Marc Sant bħala Avukat tal-Għajnuna Legali biex jiddefendi lil Muscat. Wara dan kollu l-Qorti semgħet xi sottommissjonijiet legali magħmula kemm mid-difiża kif ukoll mill-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>