Lokali

“Jeħtieġ li l-ippjanar ma jkunx hijacked” – Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

Il-Gvern għandu jqis lil kulħadd indaqs, u mhux jiġu aġevolati xi uħud askapitu tal-bqija

Malta jeħtieġ li jkollha struttura ta’ pjanar urban li ma jispiċċax hijacked minn interessi oħra; għandna bżonn ta’ żvilupp sostenibbli li jħares il-ġenerazzjonijiet futuri; ħafna huma mħassba bl-istqarrijiet tal-Gvern li pjanar fit-tul mhux prijorità; dan kollu huwa ta’ periklu.

Huma dawn uħud mill-konkluzjonijiet li ressqet ‘il quddiem il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali dedikat għall-Ippjanar Urban – ġurnata li kull sena titfakkar fit-8 ta’ Novembru, iżda li għal Malta qed titfakkar f’kuntest partikolari fejn kellna vot kontroversjali fl-Awtorità tal-Ippjanar li kien se jippermetti l-qerda ta’ art ODZ fil-Qala.

Il-kummissjoni tal-Knisja insistiet li kienet ilha tiġbed l-attenzjoni dwar ir-Rural Policy tal-2014, iżda l-ilmenti kollha waqgħu fuq widnejn torox. Kien propju permezz ta’ din il-policy – dejjem skont il-Gvern – li inħareġ il-permess tal-villa bil-pool f’nofs l-ghelieqi fil-Qala. Għalkemm wara sar magħruf li anke f’dan il-każ, xorta l-applikazzjoni ma kinitx taqa’ taħt il-parametri tal-policy…u l-permess ħareg xorta waħda.

Il-Kummissjoni fl-istqarrija fakkret ukoll liċ-ċittadini għadhom qed jistennew masterplan għal Paceville, filwaqt li tħeġġeġ biex fejn jidħol pjanar ikun hemm konsultazzjoni pubblika ta’ veru u mhux għall-isem biss.

Fl-aħħar nett, il-Knisja qed tinsisti illi fejn jidħol l-iżvilupp, il-Gvern għandu jqis liċ-ċittadini ndaqs, u mhux jigu aġevolati xi whud askapitu tal-bqija. Filwaqt li l-ambjent irid jibqa’ jitgawda minn kulħadd.