Sirjan ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fil-konfront ta’ uffiċjal tal-Pulizija meta kien imwaqqaf wara li baqa’ sejjer minn fuq it-‘traffic lights’. Fil-Qorti nstema’ li r-raġel ta’ 38 sena attakka lill-pulizija u darbu ħafif.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa u jkun id-dar fil-11pm. u li jagħmel depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000.
Huwa tressaq mill-Ispettur Robert Vella quddiem il-Maġistrat Nadine Sant. L-Ispettur Vella spjega fil-Qorti kif Pulizija tat-traffiku waqqfu talli baqa’ għaddej waqt li ‘traffic lights’ kienu ħomor. Il-każ fi Blata l-Bajda bl-argument jisħon fejn ir-raġel allegatament ta daqqa lill-Pulizija u kkawżalu ġrieħi ħfief, qabel ma saq u telaq ‘l hemm.
Aktar tard huwa ġie arrestat meta l-karozza tiegħu waqfet il-Marsa. L-akkużat li huwa kuntrattur, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, dik li bi vjolenza rreżista Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu, li nsulentah u li kkaġunalu ġrieħi ħfief.
L-Ispettur Vella qal li wara li l-akkużat ġie arrestat, kellu jittieħed l-isptar minħabba li kien qed isofri minn pressjoni ferm għolja. L-akkużat illum huwa ċittadin Malti u miżżewweġ mara Maltija, kompla jgħid l-Ispettur. Huwa għandu t-tfal u għandu mpieg fiss.
L-Avukat tiegħu, Mario Mifsud, spjega li r-raġel kien fi stat ta’ paniku minħabba li l-mara tiegħu tinsab fi stat ta’ saħħa mhux feliċi u li huwa kkopera mal-Pulizija wara li ġie arrestat. L-Avukat Mifsud għamel talba għal libertà proviżorja li ġiet milqugħa.
//= $special ?>