Lokali Qorti

Koppja anzjana mhux ħatja li ffrodaw liz-zija tiegħu

Koppja anzjana, r-raġel ta’ 68 sena u martu ta’ 63 sena ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li iffrodaw liz-zija tiegħu li għandha 90 sena.

John u Antonia Camilleri ġew illiberati minn akkużi li fl-2010 iffrodaw lil Caterina Pace u żammew għandhom flus li kienu tagħha. Pace kienet allegat mal-Pulizija li neputiha, li kien fil-Korp tal-Pulizija, ikkonvinċiha tgħaddilu €30,000 biex jiddepożitaħomlha fil-bank imma ma sarx dan.

Il-koppja ċaħdet li ffrodatha jew żammet għandha l-imsemmija somma u nsistiet li hija tathom il-flus b’donazzjoni. Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti kkonkludiet li minn imkien ma rriżulta li huma ngannaw lill-anzjana.

Hija qalet li ġie ippruvat li l-anzjana tat is-somma lill-koppja b’donazzjoni u kkonkludiet li meta għamlet l-allegazzjoni għax riedet treġġa’ lura l-istess donazzjoni biex in-neputijiet l-oħra ma jkunux jafu b’dak li għamlet.

Għal dawn ir-raġunijiet il-koppja Camilleri ġiet illiberata minn kull akkuża. L-Ispettur Anne Marie Micallef mexxiet il-Prosekuzzjoni.