Lokali

L-24 edizzjoni tal-MFCC Weddings and Events Expo

Parliamentary Secretary for Youth, Sports and Voluntary Organisations Clifton Grima opens the Wedding Fair MFCC, Ta’ Qali

165 Professjonisti mis-settur tat-tigijiet u organizzazzjoni ta’ kull tip ta’ avveniment ieħor qed jieħdu sehem fil-Weddings and Events Expo waħda mill-akbar u l-isbaħ fieri li ssir f’Malta.

Din il-fiera li ilha ssir kull Novembru għal dawn l-aħħar 24 sena hija l-post fejn artisti, stilisti u negozjanti jintroduċu prodotti ġodda, l-aħħar moda u innovazzjonijiet biex kull tieġ ikollu dik ix-xi ħaġa speċjali li tibqa’ tissemma.

Il-livell għoli fil-kwalità u ġmiel tal-istands fil-fiera,  huma ta’ ġieħ kbir kemm għal din l-Expo kif ukoll għal dan is-settur li jgawdi stima kbira anki fis-swieq barranin. Ħafna mill-esibituri huma ppreparati biex jaqdu koppji ta’ kulturi u tradizzjonijiet differenti b’dak li jeħtieġu għal tieġ differenti minn dak tal-Maltin.

L-organizzatriċi tal-fiera Joan Haber semmiet inizjattivi favur eluf ta’ negozji f’dan is-settur, fejn  hi se tkun qed tikkolabora mal-MTA ħalli iktar koppji jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni għat-tieġ tagħhom. Dan is-suq , fejn hawn Malta jsiru madwar 2,600 tieġ fis-sena li minnhom madwar 900 ikunu bejn għarajjes barranin, jiswa madwar 80 miljun ewro.  

Fil- fiera l-għarajjes jistgħu jieħdu pariri siewja minsuġa minn snin twal ta’ esperjenza minn esibituri stabbiliti, li magħhom ta’ kull sena jingħaqdu numru ta’ esibituri ġodda li fil-fiera jintroduċu lilhom infushom fis-suq kompetittiv tat-tiġijiet.

Joan Haber qalet li it-tiġijiet huma opportunità u vetrina għax-xoghol ta’ ħafna nies b’talenti varji bħal ħajjata, koki, stilisti tal-ilbies, xagħar u sbuħija kif ukoll  tad-dekor ta’ knejjes, swali u postijiet oħra fejn isiru t-tiġijiet.

L-għarajjes u dawk kollha li se jorganizzaw xi serata jew kull tip ta’ ċelebrazzjoni, huma mistiedna jattendu għax fl-MFCC Wedddings and Events Expo ssib kulma tista’ tiġi bżonn, minn party żgħir sal-akbar event taħt saqaf wieħed. Il-ftuħ tal-fiera huwa s-Sibt mis-6.30 sal-11.00 u l-Ħadd mis-2.30 sad-9.30.