Internazzjonali

L-Awstralja: Emerġenza tan-nirien fi New South Wales

L-awtoritajiet fl-Awstralja qalu li numru ‘mingħajr precedent’ ta’ nirien qegħdin jheddu l-Istat ta’ New South Wales, bis-sitwazzjoni qed tidher bħala ‘kważi inkontrollabbli’. Dan meta kienu rappurtati tal-anqas 90 inċidenza ta’ nirien madwar l-Istat inkwistjoni.

Ħafna min-nirien qabdu qalb territorju aħrax li fl-aħħar jiem kien affettwat min-nixfa – bil-fjammi qegħdin ikunu xprunati mill-irwiefen u kundizzjonijiet ta’ sħana ekwivalenti għal 35 gradi Celsius.

Kien hemm ukoll rapport dwar persuni maqbudin fid-djar tagħhom f’numru ta’ zoni u meta l-iskwadri għall-emerġenzi ma setgħux jilħquhom minħabba l-qilla tal-fjammi.

Kelliema għall-awtoritajiet inkarigati mill-emerġenzi ammettew li ‘ftit li xejn raw dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu sensiela ta’ nirien f’daqqa u fuq livell daqstant allarmanti’.

Kien hemm ħin, fil-fatt, fejn tal-anqas 17-il nar ‘fuq livell ta’ emerġenza’ kienu qegħdin jaqbdu ‘flimkien’ madwar New South Wales.

Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet bagħtu ’l fuq minn 1,000 firefighter u għexieren ta’ ajruplani attrezzati għal kontra n-nirien bil-għan li jsalvaw kemm jista’ jkun nies minn sitwazzjoni ddisprata.

Wara li n-nirien infirxu tul xi 1,000 kilometru ta’ kosta, is-Servizzi Rurali għal kontra n-Nirien ammettew li ma setgħux ‘jilħqu lin-nies kollha f’ċirkustanzi ta’ emerġenza’ minħabba l-livell tal-fjammi u l-mod veloċi kif dawn bdew jinfirxu ma’ kullimkien. Għaldaqstant l-aċċess — mit-triq u mill-ajru – għall-agħar zoni milqutin kien diffiċli ħafna għall-gruppi tas-special response.

Numru ta’ nies fid-diversi bnadi ta’ New South Wales kienu avżati biex isibu l-kenn, fiċ-ċirkustanzi, aktar milli jippruvaw jaħarbu min-nirien. Il-messaġġ kien ċar għal dawn in-nies li kien u ‘kien tard wisq biex huma jitilqu mill-inħawi partikulari’.

L-inżul tax-xita, din il-ġimgħa, fi New South Wales, ma kienx biżżejjed biex jaffettwa n-nixfa li ilu żmien jiddomina fl-inħawi.

B’hekk ukoll, l-awtoritajiet lokali wissew li n-nirien ‘rekord’ għandhom ikomplu f’dan l-Istat dment li ma tinżilx aktar xita. Il-kelliema għas-servizzi għall-emerġenza, fl-istess ħin, ikkonfermaw ‘l-impatt profound tan-nixfa’ fuq il-fjammi li, sal-bieraħ, kienu qegħdin jheddu zoni ġodda fi New South Wales.