Lokali

“L-Oppożizzjoni se tibqa’ l-vuċi tal-poplu quddiem il-Bord tal-Ippjanar” – Marthese Portelli

Minkejja li għażlet li ma tkunx parteċpi ta’ Awtorità li taqdi biss l-interess tal-ftit, l-Oppożizzjoni xorta waħda se tibqa’ twassal il-leħen tan-nies.

Iddikjarat dan id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli li fl-aħħar jiem irriżenjat mill-Bord tal-Ippjanar bl-appoġġ tal-Kap tal-PN Adrian Delia: “Għalkemm jien m’għadx fadalli voting power fil-Bord, jien il-vuċi tiegħi mhix se tiddgħajjef. Anzi, b’dan il-pass li ħadt, il-vuċi tiegħi tista’ tissaħħaħ.”

Marthese Portelli wegħdet li, bħalma dejjem għamlet, hi se tibqa’ titkellem kontra dak li mhux ġust.“Bħala Deputat, Membru Parlamentari, bħala ċittadin ordinarju, għandi d-dritt li mmur u nattendi s-seduti tal-Planning Authority xorta. Imma, din id-darba, flok inkun madwar il-mejda tal-Bord ta’ min se jiddeċiedi, jien inkun mal-pubbliku u, fejn hemm bżonn inwassal il-concerns tiegħi minn qalb il-pubbliku.”

Waqt il-programm Xtra fuq ix-xandir nazzjonali, Marthese Portelli qalet li d-deċiżjoni li tirriżenja ħaditha wara li ripetutament, affarijiet li kienet qed tiġbed attenzjoni dwarhom waqt laqghat informali, kienu qed jintefgħu taħt it-tapit… jew isiru attentati biex jiġu mxejna.

Qalet li, fid-dawl ta’ dan, ladarba d-deċiżjonijiet kienu qed jittieħdu xorta waħda fl-interess tal-ftit, hi se tkun qed twassal it-tħassib tal-poplu mingħajr ma tkun parteċpi f’deċiżjonijiet li minnhom igawdu biss il-ftit.

“Inwassal minn mal-mejda tal-Bord u minn qalb il-pubbliku, min irid jivvota favur se jivvota favur xorta u min irid jivvota kontra, se jivvota kontra xorta. Hu rrilevanti l-post minn fejn tagħti r-raġunijiet tiegħek għalfejn taqbel jew ma taqbilx ma’ permess partikolari,” iddikjarat Marthese Portelli.

Mistoqsija dwar voti futuri, fosthom dak dwar pompa tal-petrol f’Wied il-Għajn, Marthese Portelli qalet li l-Oppożizzjoni dejjem kienet konsostenti… u hi kontra li jinħareġ dan il-permess.

Għall-kuntrarju, Gvern Laburista ilu snin jipposponi u  għadu s’issa ma ħariġx il-politika tiegħu dwar il-pompi tal-petrol tant li l-poplu kien kostrett jipprotesta ripetutament. Din il-policy għadha s’issa fi stadju ta’ konsultazzjoni.

Intant waqt dan l-istess programm reġgħet spikkat l-attitudni konfrontazzjonali tal-Ministru Ian Borg, li biddel id-dibattitu f’wieħed mimli attakki partiġġjani.