Terremot li rreġistra ‘sitta’ fuq l-Iskala Richter u li laqat il-majjistral tal-Iran sewa l-ħajja ta’ mill-anqas sitt persuni – b’mijiet oħrajn jisfaw midruba.
L-epiċentru tat-theżżiża kien indikat qrib il-belt ta’ Tark, fil-provinċja tal-Lvant ta’ Ażerbajġan (viċin tal-Armenja) — bil-parti kbira tal-midruba jirriżultaw mill-iffullar tan-nies waqt l-eqqel tat-terremot u meta r-residenti ħarġu jiġru minn djarhom għal ġot-toroq, fi stat ta’ paniku.
Skont ir-rapporti inqerdu tal-anqas 30 residenza qrib fejn laqat it-terremot, li kien segwit b’għexieren ta’ theżżiż sekondarju (aftershocks) li bdew jinħassu wkoll fil-kapitali Iranjana, Tehran.
L-awtoritajiet tas-servizzi mediċi qalu, wara, li l-iskwadri għall-emerġenzi u l-ħelikopters kienu ntbagħtu lejn l-inħawi li ġarrbu l-akbar impatt tat-terremot, bl-isptarijiet jispiċċaw fuq allert huma u jilqgħu lill-midruba
It-theżżiż tal-art fuq dan il-livell hu pjuttost komuni fl-Iran minħabba l-attività siżmika regolari fir-reġjun.
//= $special ?>