Lokali

Sfilata tal-moda b’differenza

Is-Sibt filgħaxija se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-isfilata tal-moda ‘Unici in Passarella’. Sfilata b’differenza… illi fiha jieħdu sehem mudelli b’abbiltajiet differenti.  L-għan ta’ din l-isfilata hu li dawn il-persuni jkunu ta’ aspirazzjoni għal nies oħra.

Il-mistiedna speċjali għal din is-serata se tkun Madeline Stuart…. li ta’ 22 sena hija l-ewwel mudella professjonali fid-dinja bid-down syndrome.

Hekk kif daħlet fix-xena tal-moda, Madeline mal-ewwel serqet il-qlub ta’ kulħadd… filwaqt li saret ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies.

Kollox beda madwar ħames snin ilu meta ritratt tagħha ‘tal-before and after’ li tpoġġa fuq il-media soċjali, mal-ewwel mar viral. Minn dak il-ħin stess bdiet tirċievi għadd ta’ telefonati minn diversi kumpaniji tal-moda sabiex tibda timmudella magħhom.

F’temp ta’ ġimgħatejn biss spiċċat fuq diversi magazines f’150 pajjiż madwar id-dinja. Inkitbu ħafna artiklu dwar Madeline u fl-aħħar waslet is-sejħa biex timxi fuq ir-runway fin-New York Fashion Week – il-ħolma ta’ kull mudella.

Rosanne Stuart, omm Madelina b’ton emozzjonanti stqarret magħna li meta rat lil bintha timxi fuq il-catwalk…setgħet għall-ewwel darba f’ħajjitha tesperjenza dak li jerperjenzaw ġenituri oħra li m’għandhomx tfal b’din il-kundizzjoni. Dakinhar kienet l-ewwel darba li Madeline kienet verament aċċettata minn kulħadd. Minn dakinhar l’hawn ħajjithom inbidlet totalment.

Rosanne tistqarr magħna li permezz ta’ Madeline qed jirnexxielhom ibiddlu l-mentalità tan-nies kif iħarsu lejn min ibati mill-kundizzjoni tad-down syndrome.

Illum il-ġurnata Madeline għandha l-linja tal-ħwejjeġ tagħha…. filwaqt li qed tkompli taħdem biex tkun ta’ ispirazzjoni għal nies bid-down syndrome.