Lokali Qorti

Sid ta’ stabbiliment f’Paceville mixli b’importazzjoni ta’ żewġ kilos kokaina

Sid ta’ ristorant f’Paceville, li huwa ta’ nazzjonalità Libjana ġie mixli li mporta żewġ kilos kokaina bl-iskop li jittraffika din id-droga. Ahmed Elmzouga ta’ 31 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u nżamm taħt arrest preventiv.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia mixli li kkonfoffa biex jitraffika d-droga kokaina, b’importazzjoni u pusses aggravat tagħha. Elmzouga huwa sid tar-ristorant, li jinsab f’San Ġiljan.

L-Ispettur Frank Anthony Tabone mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, qal fil-Qorti li Elmzouga ġie arrestat hekk kif wasal Malta fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Qal li huwa kkopera mal-Pulizija, fejn irilaxxa stqarrija dettaljata.

Ħareġ fil-Qorti li l-akkużat ċaħad li kien jaf li fil-bagalji tiegħu kien hemm kaxxi li kien fihom id-droga, iżda qal lill-Pulizija li huwa kien se jgħadi dawn il-bagalji lil persuna oħra, liema persuna l-Pulizija qedn tipprova tidentifika.

Permezz tal-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri, Elmzouga għamel talba għal libertà proviżorja li kienet miċħuda mill-Qorti fuq biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi u anke li għad baqa’ xi persuni li jridu jixhdu dwar il-każ.

Il-Maġistrat Lia qalet ukoll li l-akkużat lanqas ma jista’ jiġi fdat li joqgħod mal-kundizzjonijiet li tista’ timponi l-Qorti jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.