Futbol Sport

Silvio Vella jsejjaħ skwadra proviżorja għal kontra d-Danimarka

Il-kowċ nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Silvio Vella sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 23 plejer għall-impenn minn Grupp 8 tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni kontra d-Danimarka. Il-logħba tintlagħab fid-19 ta’ Novembru fl-Aalborg Stadium fis-6.00pm.

Id-difensur ta’ Sliema Wanderers Kurt Shaw jinsab lura fl-iskwadra wara li x-xahar l-ieħor għamel id-debutt fit-tim nazzjonali tal-kbar, bil-midfielder Matthew Guillaumier ukoll jinsab fl-iskwadra hekk kif tilef l-aħħar logħbiet minħabba li kien imweġġa’. Ritorn ieħor hu l-attakkant ta’ Gudja United Aidan Friggieri li ma lagħbx fl-aħħar logħba kontra l-Finlandja. Dawn huma aħbarijiet tajbin għal Vella qabel konfront kontra d-Daniżi li jinsabu b’punti massimi minn tliet logħbiet.

Iżda nieqes minn din l-iskwadra hemm id-difensur ta’ Sliema Wanderers Michele Sansone li hu wieħed mill-aktar plejers li ilu fl-iskwadra u bħalissa jinsab imweġġa’. F’din l-iskwadra hemm tliet uċuħ ġodda hekk kif il-kowċ nazzjonali sejjaħ lid-difensur ta’ Ħamrun Spartans Darren Borg, il-midfielder Loumar Cutajar li jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni ma’ St. George’s u Nevin Portelli li jilgħab ma’ Tarxien Rainbows.

It-tim Malti sa issa lagħab tliet logħbiet barra l-pajjiż, bi draw kontra l-Irlanda ta’ Fuq u telfiet ta’ 4-0 kontra l-Ukrajna u l-Finlandja. Vella jagħżel l-iskwadra finali ta’ 20 plejer qabel tħalli pajjiżna lejn id-Danimarka s-Sibt 16 ta’ Novembru.

Skwadra Maltija

Gowlkipers: Timmy Aquilina (Gudja United), Andreas Vella (Mosta)

Difensuri: Jean Borg (Valletta), Dejan Debono (Senglea Athletic), Darren Borg (Ħamrun Spartans), Nicholas Pulis (Valletta), Zachary Karl Grech (Balzan), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Zachary Cassar (Gudja United), Gary Camilleri (Tarxien Rainbows)

Midfielders: Myles Beerman (Hibernians), Marcus Grima (Balzan), Loumar Cutajar (St. George’s), Nevin Portelli (Tarxien Rainbows), Jamie Zerafa (Santa Lucia), David Xuereb (Senglea Athletic), Aidan Friggieri (Gudja United), Jan Tanti (Senglea Athletic), Matthew Guillaumier (Birkirkara), Ayrton Attard (Hibernians)

Attakkanti: Jan Busuttil (Floriana), Zachary Brincat (Mosta), Omar Elouni (Santa Lucia)