Futbol Sport

Sliema jiskurjaw wara xahar u jegħlbu lil Ħamrun

(Ritratt: Domenic Aquilina)
Sliema jinqalgħu mill-post ta' qabel tal-aħħar

Rapport: George Cassar

SLIEMA WANDERERS…………….. 2

ĦAMRUN SPARTANS………………. 0

Sliema: E. Elezaj, J. Mintoff, R. Carvajal. K. Shaw, J. Pearson, E. Agius, C. Pani, C. Zappa (S. Miloskovic 78’), A. Satariano (G. Barone 73’), Y. Cisotti (P. Xuereb 88’), S. Sow

Ħamrun: J.C. Debattista, K. Micallef, C. Failla (D. Borg 27’), O. Nikolopoulos, M. Cinquini, T. Caruana, N. Leone, M. Criaco, V. Alhimho (R. Darmanin 24’), Dodò, W. Domoraud

Imwissija: K. Micallef 20’, W. Domoraud 66’ (Ħ), M. Cinquini 83’ (Ħ), C. Zappa 50’, S. Seydou 52’, E. Agius 86’ (S)

Skorjaw: R. Carvajal 30’, K. Shaw 66’ (S)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Roberto Vella, Luke Portelli

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Yuri Cisotti (Sliema Wanderers)

BOV Plejer tal-logħba: Yuri Cisotti (Sliema Wanderers)

Attendenza: 453

Wara li fix-xahar ta’ Ottubru ma skurjaw xejn, Sliema Wanderers skurjaw gowl kull taqsima kontra Ħamrun u kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun. B’dawn it-tliet punti s-Slimiżi nqalgħu mill-post ta’ qabel tal-aħħar u qabżu lil Birkirkara u lil Gudja United. Għal Sliema kellu partita ferm tajba Yuri Cisotti b’diversi ġirjiet li fakkru lil ħafna fil-mumenti pożittivi li kellu ma’ Mosta l-istaġun li għadda.

Din  kienet it-tielet partita konsekuttiva bla rebħa għal Ħamrun li tista’ tibda taqtagħhom  mit-timijiet ta’ fuq. Il-pjan tal-kowċ Ħamruniż Manuele Blasi kellu jinbidel kmieni fl-ewwel taqsima hekk kif kien sfurzat jagħmel żewġ bidliet kmieni wara li weġġgħu Valdo Alhinho u Clayton Failla ftit qabel in-nofs siegħa logħob.

Sliema marru fil-vantaġġ wara nofs siegħa logħob meta d-difensur laterali xellugi ROBERT CARVAJAL avvanza tajjeb, qabeż difensur qabel skorja b’xutt immirat tajjeb fil-baxx. Sliema setgħu anki rduppjaw immedjatament fl-azzjoni ta’ wara meta minn korner ta’ Yuri Cisotti, il-ballun wasal għand Claudio Pani li x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa kien imdawwar f’korner mill-gowlkiper Ħamruniż Jean Claude Debattista.

L-irjus saħnu kmieni fit-tieni taqsima hekk kif kien hemm żewġ dwelli mingħajr ballun, l-ewwel bejn Claudio Zappa u Orestis Nikolopoulos u oħra bejn Seydou Sow u Triston Caruana b’dan tal-aħħar jispiċċa anki bid-demm ma’ wiċċu fost ir-rabja tal-partitarji Ħamruniżi li ppretendew li r-referee jkeċċi lil Sow u mhux jiġi biss ammonit. Il-Wanderers skurjaw it-tieni gowl tagħhom ftit wara s-siegħa logħob. Il-free-kick laterali ta’ Claudio Pani kien indirizzat lejn Yuri Cisotti li t-tentattiv tiegħu ġie mblukkat, iżda kien hemm viċin KURT SHAW li tefa’ ġewwa.

Sitt minuti mit-tmiem Ħamrun kellhom iċ-ċans li jidħlu fil-logħba meta minn pass ta’ Karl Micallef, ix-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Triston Caruana kien salvat minn Entonjo Elezaj b’Ryan Darmanin jidħol għar-rebound iżda jitfgħu ferm għoli. Dan kompla żied mad-diżappunt tal-Ħamruniżi li jittamaw li t-tim tagħhom jiġi f’tiegħu malajr kemm jista’ jkun qabel il-konfront diffiċli ta’ ġimagħtejn oħra kontra t-tim tal-ewwel post Floriana.