Futbol Sport

Valletta jirritornaw għar-rebħ b’diffikultà

(Ritratt: Martin Agius)
Jiddeċiedi gowl fl-ewwel taqsima

VALLETTA………….. 1

SENGLEA A…………. 0

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Caruana, J. Borg, J. Zerafa, R. Muscat, I. Dzaria, M. Piciollo (N. Pulis 83’), M. Fontanella (S. Dimech 93’), K. Nwoko (B. Kaljevic 79’)

Senglea: M. Farrugia, A. do Nascimento, S. Olberkis, D. Debono (J. Tanti 77’), M. Micallef, E. Sakyi, D. Xuereb, S. Cipriott (T. Marukawa 68’), M. Dias, L. Grech (J. Teixeira 59’), W. Zamble

Imwissija: J. Zerafa 7’, N. Pulis 87’, I. Dzaria 89’, M. Fontanella 92’ (V), S. Cipriott 31’, A. do Nascimento 64’, M. Dias 68’ (S)

Skorja: M. Piciollo 29’ (V)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Ivan Galea

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Marcelo Dias (Senglea Athletic)

BOV Plejer tal-logħba: Matteo Piciollo (Valletta)

Attendenza: 567

Gowl man-nofs siegħa logħob kien biżżejjed biex Valletta jirritornaw għar-rebħ. Għalkemm it-tliet punti huma l-aktar ħaġa importanti, Valletta sabuha diffiċli biex ikunu perikolużi u ppermettew lil Senglea li jagħfsu għad-draw lejn it-tmiem.

Il-Beltin tjiebu mill-aħħar logħba, b’Darren Abdilla jagħżel li joħroġ b’sistema ta’ tliet difensuri li fl-ewwel taqsima dehret li bdiet tħalli l-frott. Senglea kienu aktar difensivi fl-ewwel taqsima iżda anki b’xi bidliet tattiċi kienu aktar offensivi. Żewġ bidliet fuq kull naħa mill-aħħar konfronti tagħhom. Għal Senglea bdew Dejan Debono u Elvis Sakyi flok Milos Todorovic u Taisei Marukawa filwaqt li Steve Borg u Matteo Piciollo bdew flok Douglas Packer u Shaun Dimech.

Irakli Dzaria prova minn barra l-kaxxa wara tliet minuti b’xutt li għadda ftit barra. Il-Beltin baqgħu fil-pussess tal-logħba iżda ftit kienu perikolużi sakemm fit-28 minuta kienu se jmorru fil-vantaġġ b’mod fortunat bi kross żbaljat ta’ Rowen Muscat li spiċċa ħabat mal-mimduda.

Inċidentalment ftit sekondi wara, Valletta fetħu l-iskor bi kross mil-lemin għan-nofs isib lil MATTEO PICIOLLO li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Matthew Farrugia għat-tieni gowl tiegħu fil-kampjonat. Senglea baqgħu difensivi u ftit inkwetaw lil Heny Bonello. Piciollo prova għad-doppjetta fl-44 minuta meta rċieva kross mil-lemin ta’ Irakli Dzaria, ikkontrolla u xxuttja fil-baxx, bil-konklużjoni tkun salvata minn Farrugia.

Jiddeċiedi gowl fl-ewwel taqsima
(Ritratt: Martin Agius)

Fit-tieni taqsima Senglea ħarġu aktar mill-qoxra difensiva tagħhom u għalkemm ma ħolqux xi perikli kbar, ma ħallewx lil Valletta jżommu l-pussess. Fid-59 minuta l-Isla setgħu ġabu d-draw meta Wilfried Zamble rebaħ dwell ma’ Jonathan Caruana u tefa’ kross fil-baxx lura lejn David Xuereb iżda minn pożizzjoni tajba xeħet għoli.

Kwarta mit-tmiem ċans għal Valletta meta Enmy Pena Beltre għadda lejn Kyrian Nwoko li avvanza iżda x-xutt għadda għoli. Żewġ minuti wara, Mario Fontanella prova b’azzjoni personali, bix-xutt ikun salvat f’darbtejn minn Farrugia.

Valletta setgħu għalqu l-logħba fit-83 minuta bi kross ta’ Fontanella jsib lis-sostitut Bojan Kaljevic iżda l-Montenegrin naqas li jolqot minn quddiem il-lasta. Fid-90 minuta kien Henry Bonello li b’mod mirakoluż salva free-kick fil-baxx ta’ Jose Teixeira, b’Valletta jiddefendu b’diffikultà l-aħħar minuti.