Lokali

Il-PN isellem: 30 sena mit-twaqqigħ tal-ħajt ta’ Berlin

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mad-dinja libera llum waqt li qed jiġi ċċelebrat u mfakkar 30 sena mill-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin. Id-dinja tiftakar u tfakkar li dak kien u jibqa’ mument storiku. Wieħed li biddel l-futur tal-bnedmin fil-kontinent Ewropew. Wieħed li gab fit-tmiem d-dittatura u t-tirannija tal-komuniżmu Sovjetiku. Wieħed li fetaħ il-bibien tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku kbir.

Fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, il-Partit Nazzjonalista qal li kien u jibqa’ dabra kerha fl-eżistenza umana li ġie mtella’ ħajt sabiex jifred bnedmin tal-istess nazzjonalità fl-istess belt. Għal snin twal l-Ewropa għexet fid-dell tat-theddida ta’ gwerra nukleari. Għexet fid-dell tal-biża tar-ripressjoni li l-estremiżmi tax-xellug u tal-lemin jwasslu.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll il-memorja u l-ħidma tal-qaddis San Ġwanni Pawlu t-Tieni. Ma hemmx dubju li l-ħatra ta’ Papa Pollakk kien il-mutur li wassal lejn din il-bidla. Pajjiżna kellu sehem huwa wkoll f’dan kollu. Kien il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami li laqgħa hawn Malta dawk li kienu ż-żewġ super-potenzi sabiex dan il-proċess wasal.

Għalhekk b’ferħ infakkru dan il-jum. Wieħed li gab lura t-tama u assigura t-tisħiħ tal-libertà, tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tad-demokrazija.