Futbol Sport

Barella jagħti r-rebħa lil Inter u Napoli jerġgħu jiddiżappuntaw

(Ritratt: EPA)

Inter dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Verona 2-1 u momentarjament telgħu fil-quċċata. Huma jistennew il-konfront tal-lum bejn Juventus u Milan fl-Allianz Stadium. Verona fetħu l-iskor fid-19-il minuta meta r-referee Paolo Valeri ordna penalty għal fawl tal-gowlkiper Samir Handanovic fuq Mattia Zaccagni. Mill-11-il metru VALERIO VERRE għeleb lil Handanovic b’xutt ċentrali.

Inter ġabu d-draw fil-65 minuta bi kross mil-lemin ta’ Valentino Lazaro jsib lil MATIAS VECINO li daħal tajjeb biex b’daqqa ta’ ras għeleb lil Marco Silvestri. Wara li Romelu Lukaku falla ċans tad-deheb meta naqqas li jqabbeż fuq Silvestri, il-gowl tar-rebħa wasal fit-83 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ NICOLÒ BARELLA li spiċċa fir-rokna ta’ fuq.

Napoli reġgħu ddiżappuntaw hekk kif spiċċaw 0-0 fi Stadio San Paolo kontra Genoa. B’hekk fl-aħħar erba’ logħbiet fiż-żewġ kompetizzjonijiet, kisbu biss tliet draws u telfa u jinsabu 12-il punt taħt Inter. Huma kienu għoddhom li marru fil-vantaġġ wara minuta b’gowl ta’ Lorenzo Insigne, iżda l-gowl kien imħassar minħabba offside ta’ Hirving Lozano waqt l-azzjoni. Napoli pruvaw tul il-logħba biex jinfdu lid-difiża ta’ Genoa, bit-tim ta’ Thiago Motta anki jkollu l-okkażjonijiet li jmur fil-vantaġġ.

Fosthom spikkat azzjoni fil-61 minuta meta b’xutt ta’ Andrea Pinamonti li kien maqlugħ minn fuq il-linja mirakolożament mid-difensur Kalidou Koulibaly. Fost l-okkażjonijiet li kellhom, Napoli setgħu skorjaw il-gowl importanti fis-87 minuta iżda l-gowlkiper Ionut Radu salva fuq il-linja daqqa ta’ ras tas-sostitut Eljif Elmas. Mat-tisfira finali spikkaw it-tisfir tal-partitarji Naplitani.

Torino temmew sensiela ta’ sitt logħbiet mingħajr rebħa meta għelbu lil Brescia 4-0 fi Stadio Mario Rigamonti. Dan kien debutt negattiv għal Fabio Grosso fit-tmexxija tat-tim hekk kif Brescia kisbu biss punt mill-aħħar seba’ logħbiet.

ANDREA BELOTTI fetaħ l-iskor fis-17-il minuta minn penalty, bl-istess ANDREA BELOTTI jirdoppja fis-26 minuta wkoll mill-11-il metru. Ales Mateju ħalla lil Brescia b’raġel anqas fl-41 minuta u b’hekk il-logħba għalihom kompliet tkun għat-telgħa. ALEX BERENGUER għalaq il-logħba fil-75 minuta b’xutt fil-baxx biex ħames minuti wara l-istess ALEX BERENGUER skorja t-tieni gowl personali wara kontrattakk.

Serie A

Ilbieraħ: Sassuolo v Bologna 3-1            

Illum: Brescia v Torino 0-4, Inter v Verona 2-1, Napoli v Genoa 0-0

Għada: Cagliari v Fiorentina 12.30pm, Lazio v Lecce 3.00pm, Sampdoria v Atalanta 3.00pm, Udinese v Spal 3.00pm, Parma v Roma 6.00pm, Juventus v Milan 8.45pm