Internazzjonali

Ikomplu n-nirien fl-Awstralja

Fl-Awstralja, numru bla preċedent ta’ każijiet ta’ nirien komplew għat-tieni ġurnata jheddu l-Istat ta’ New South Wales, bis-sitwazzjoni qed tkompli tidher kważi inkontrollabbli.

Kienu rappurtati tal-anqas 90 incident ta’ nirien madwar l-Istat u kienu konfermati mill-inqas żewġ persuni mejta u seba’ oħrajn nieqsa f’nirien imsejjħa “bla preċedent ”.

Iż-żewġ vittmi nqatlu minn nirien qrib Glen Innes, madwar 550 km fit-tramuntana ta’ Sydney.

L-awtoritajiet saħansitra wissew li n-numru ta’ vittmi se jibqgħu jiżdiedu matul il-ġurnata. Hemm rapporti ta’ nies maqbuda fi djarhom f’diversi postijiet, bl-ekwipaġġ ma jistax jilħaqhom minħabba s-saħħa tan-nirien.

Hekk kif l-emerġenza tan-nar kompliet fit-tieni jum tagħha nhar is-Sibt, l-uffiċjali kkonfermaw li aktar minn 150 djar fi New South Wales kienu ġew maħruqa.

Eluf ta’ nies ġew sfurzati jitilqu minn djarhom, waqt li l-pontijiet, l-iskejjel u l-linji tal-enerġija ġew kollha meqruda.

Madwar 1,000 pompieri qed jippruvaw jindirizzaw dawn in-nirien fi New South Wales, sostnuti minn ajruplani li qed jitfgħu ammont kbir ta’ ilma.

Ħafna min-nirien qabdu qalb territorju aħrax li fl-aħħar jiem kien affettwat min-nixfa – bil-fjammi qegħdin ikunu xprunati mill-irwiefen, u temperatura qrib il-35 grad Celsius.Kelliema għall-awtoritajiet inkarigati mill-emerġenzi ammettew li ftit li xejn raw dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu sensiela ta’ nirien f’daqqa… u fuq livell daqstant allarmanti.