Ambjent Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani japprezza d-dikjarazzjoni tal-Parlament dwar l-emerġenza tal-klima

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Anzjani jinnota b’sodisfazzjon il-kontribut enormi tal-Kunsill Nazzjonali tażŻgħażagħ meta, bħala riżultat tas-Sessjoni Parlamentari taż-Żgħażagħ maltin dwar il-ħarsien tal-Ambjent, irnexxielu jkun strumentali biex ikkonvinċa lill-Parlament kollu dwar kuxjenza ġdida u kompatta dwar l-Ambjent.  Dan irriżulta fil-Parlament jiddikjara emerġenza tal-klima u l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent jiġi mgħolli bir-responsabbilta li jibda jindirizza l-bidla fil-klima f’pajjiżna.  Prosit lil kull min ħadem b’ħeġġa u b’impenn biex jasal dan il-ftehim.

Dan hu pass kbir posittiv u rejali li kulħadd ħa pjaċir bih, speċjalment l-anzjani kollha Maltin u Għawdxin li kien ilhom jixtiequh u jaspiraw għalih, għaliex hija l-ġenerazzjoni tagħhom l-aktar li tiftakar kemm Malta kienet isbaħ fi tfulithom u f’żgħożithom.

Għaldaqstant, il-Kunsill Nazzjonali Anzjani ġenwinament jittama li dan huwa biss il-bidu ta’ qawmien ġdid f’pajjiżna fejn ilkoll se nibdew naħdmu biex mhux biss nissalvagwardjaw u nsaħħu dak li baqgħalna iżda li ma nippermettux aktar il-qerda ta’ dak kollu li hu sabieħ u ta’ saħħa għall-bniedem. Il-Kunsill Nazzjonali Anzjani lest li, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u għaqdiet oħra tal-volontarjat jkun fost il-protagonisti li lesti li jaraw li dan iseħħ.