Ambjent Ekonomija Lokali Qorti

Istituzzjonijiet li għandhom iħarsu l-interessi tal-poplu spiċċaw jaħdmu biex iħarsu l-interessi tal-ftit

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta li jkun kompliċi bis-sehem tiegħu f’istituzzjonijiet u awtoritajiet, li nħatfu mill-Gvern. Kif ġara fil-każ tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet. Għalhekk ir-riżenji ta’ Marthese Portelli u Ryan Callus. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li qegħdin naffaċċaw sitwazzjoni fejn hawn tnawwir sistematiku tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna min-naħa tal-Gvern, fejn l-istituzzjonijiet inħakmu minn forzi u min-nies li qegħdin jinjoraw il-ġid komuni u qegħdin jaħdmu għall-konvenjenza politika u b’indħil dirett mill-Gvern. Dan qed iwassal biex l-istituzzjonijiet, li suppost li qegħdin hemmhekk sabiex iħarsu l-interessi tal-poplu minflok qegħdin jaħdmu biex iħarsu l-interessi tal-ftit. Għall-Partit Nazzjonalista dan mhux aċċettabbli. Dak li hu ħażin ngħidulu ħażin u dan ngħiduh b’saħħa u konvinzjoni.

Adrian Delia qal li inutli li l-Gvern jippruva jfarfar minn dak li qed iseħħ fl-Awtorità tal-ippjanar. Dak li kien se jseħħ u ghad jista jsehh fil-Qala huwa sfreġju ambjentali u l-Gvern qiegħed jherri l-istituzzjonijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li sirna nafu kif awtoritajiet lanqas biss kellhom bordijiet li qegħdin jiffunzjonaw u f’paniku l-gvern kellu jaħtar lic-CEOs infushom bħala acting chairpersons flok nominazzjoniet normali ta’ kapijiet li l-ħatra tagħhom tgħaddi  mill-Parlament. Dan huwa aġir politiku arroganti li sar f’paniku sabiex jipprova jsolvi sitwazzjoni li ilha tinħema minn Ottubru.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia fakkar kif din il-ġimgħa, l-Qorti laqgħat it-talba ta’ Repubblika, u ordnat inkjesta maġisterjali dwar allegat korruzjoni mill-bejgħ ta’ passaporti minn ditta privata lokali. Dan ifisser suspett fondat ta’ uzu Hazin tal poter mill ministri u Shabhom. Il-PN għal diversi drabi nsista li din l-iskema għandha tiġi sospiża għax qed tagħti isem ħażin lil Malta u tgħarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan għaliex hemm persuni li ngħataw il-passaport Malti u li għandhom reputazzjoni ħażina. Il-PN jrid li min jinvesti f’pajjiżna jinvesti b’serjetà, joħloq il-ġid biex jitgawda mill-Maltin u mhux jinqeda b’isem pajjiżna għall-gwadann personali.

Adrian Delia ħeġġeġ sabiex bħala poplu inkomplu nsaqsu u nippersistu għall-verità mill-gvern li jibża milli jkun taħt il-lenti tal-oppożizzjoni f’isem il-poplu. Saħaq illi l-oppożizzjoni ser tkompli tkun il-leħen tan-nies mingħajr ebda biża mill-intimidazzjoni tal-gvern. Quddiem Joseph Muscat li mingħalih jista’ jgħaddi romblu minn fuq kulħadd, l-oppożizzjoni ser tkompli tkun it-tarka taċ-ċittadini u bl-ebda mod ma tkun pupazz ta’ gvern arroganti.