L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) appellat lill-Gvern biex jagħmel xi ħaġa dwar l-impjanti illegali tal-konkrit li kienu qed joperaw mingħajr il-permessi meħtieġa. Dan hekk kif problemi bħal dawn jistgħu jaffettwaw ħażin biss lill-industrija.
L-MDA ħarġet din il-pożizzjoni wara storja ppubblikata fit-Times of Malta, fejn kien allegat li l-Ministeru għal Għawdex uża s-servizzi ta’ impjant illegali tal-konkrit biex jirranġa triqli twassal għar-Ramla l-Ħamra. Il-kuntrattur partikolari ntagħżel b’direct order mill-Ministeru.
L-MDA qalet li dawn l-impjanti m’għandhomx ikunu f’żoni ta’ żvilupp. Min-naħa l-oħra, innutat li m’hemmx politika ċara li tirregola dawn l-impjanti u l-operat tagħhom. Tenniet li ma tista qatt tħalli illegalità isseħħ daqslikieku hi sitwazzjoni normali.
L-Assoċjazzjoni appellat lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jaraw li ssir ir-regolamentazzjoni meħtieġa ħalli s-sidien preżenti li jkunu fl-illegalità jkunu jistgħu jirregolarizzaw ruħhom wara li jħallsu l-multi meħtieġa, skont iċ-ċirkostanza.
//= $special ?>