Leicester City reġgħu taw wirja brillanti oħra fil-King Power Stadium biex ġabu fix-xejn lil Arsenal b’rebħa ta’ 2-0 li tellgħethom fit-tieni post tal-Premier League ħames punti (b’logħba aktar) taħt il-leaders Liverpool, li llum huma impenjati f’Anfield kontra ċ-champions Ingliżi Manchester City.
Il-Foxes kienu superjuri għal ħinijiet twal iżda kellhom jistennew sa nofs it-tieni taqsima biex imorru fil-vantaġġ meta Jamie Vardy ikkonkluda għal ġewwa wara azzjoni veloċi li kienet tinvolvi diversi plejers ta’ Leicester u li ħalliet lid-difiża tal-Gunners fuq sieq waħda. It-tieni gowl ta’ Leicester wasal seba’ minuti wara minn James Maddison, bil-midfielder isammar xutt imprendibbli fil-baxx li ma ta l-ebda cans lill-gowlkiper Leno. Ir-riżultat ifisser li Arsenal ilhom mingħajr rebħa għal ħames logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha, bil-pressjoni qed tiżdied fuq il-manager Unai Emery.
West Ham United jinsabu fi kriżi wara li tilfu bi skor kbir għat-tieni ġimgħa konsekuttiva kontra Burnley f’Turf Moor, riżultat ta’ 3-0 li jitkellem waħdu. Il-Hammers issa ilhom mingħajr rebħa f’sitt logħbiet tal-Premier League u l-logħba, għalihom, spiċċat għat-telgħa, mindu Ashley Barnes spara ġewwa mill-viċin wara biss 11-il minuta. Burnley irduppjaw b’first-timer ta’ Chris Wood eżatt qabel il-mistrieħ u fit-tieni taqsima, West Ham sofrew gowl banali meta l-gowlkiper Roberto Jimenez dawwar il-ballun fix-xibka tiegħu stess fuq il-korner ta’ Ashley Westwood.
Newcastle United għelbu lil Bournemouth 2-1, f’St James Park biex b’hekk irreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva għall-ewwel darba mill-bidu tal-kampjonat. Is-suċċess kien wieħed mistħoqq għall-Magpies li kienu sabu ruħhom fi żvantaġġ meta fl-14-il minuta Harry Wilson ikkonkluda fuq set-piece brillanti maħdum minn Fraser u King.
Ir-reazzjoni ta’ Newcastle kienet immedjata, b’Allan Saint-Maximin jolqot il-mimduda u b’DeAndre Yedlin ikollu xorti aħjar meta sab ruħu fil-post eżatt biex għeleb lill-gowlkiper Ramsdale. Il-gowl deċiżiv għall-Magpies wasal fit-52 minuta meta d-difensur, Ciaran Clarke, idroppja wara li kien irċieva mingħand Fernandez.
Tottenham Hotspur u Sheffield United ħadu punt kull wieħed minn konfront missielet li spiċċa 1-1 fit-Tottenham Hotspur Stadium.Il-Blades kienu aħjar mill-avversarji għal ħinijiet twal iżda kienu Spurs li żblukkaw ir-riżultat minn Heung-Min Son li approfitta mill-clearance ħażin ta’ Stevens biex xeħet ġewwa mill-viċin. Żewġ minuti wara, Sheffield United kienu qed jiċċelebraw ‘gowl’ tagħhom, skurjat minn McGoldrick li madankollu ġie mħassar mill-VAR għal offside millimetriku ta’ Lundstram.
Intant, Sheffield United irnexxielhom jiskuraw gowl validu 12-il minuta mit-tmiem meta l-kross spekulattiv ta’ George Baldock żgiċċa lil kulħadd, bil-ballun jispiċċa fix-xibka. B’dan ir-riżultat, Sheffield United jinsabu l-ħames fil-klassifika, b’Tottenham jinżlu fit-tnax-il post.
L-istaġun qed jiżvolġi f’wieħed diżastruż għal Southampton li tilfu mill-ġdid – din id-darba f’darhom kontra Everton, bis-Saints issa jinsabu t-tieni mill-aħħar bl-istess punti bħal Watford. Ir-rebħa ta’ 2-1 kienet anki l-ewwel waħda għal Everton barra minn darhom f’dan l-istaġun, bl-ewwel gowl tagħhom jasal wara biss erba’ minuti meta Tom Davies sab ix-xibka bir-ras fuq il-korner ta’ Sigurdsson. Fit-tieni taqsima, Saints wieġbu minn Danny Ings fil-50 minuta iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Richarlison li kwarta mit-tmiem, dawwar għal ġewwa l-ballun perfett ta’ Djibril Sidibe biex ta nifs ġdid lill-manager tat-Toffees Marco Silva.
Premier League
Ilbieraħ: Norwich v Watford 0-2
Illum: Burnley v West Ham 3-0, Chelsea v Crystal Palace 2-0,
Leicester v Arsenal 2-0, Newcastle v Bournemouth 2-1, Southampton v Everton 1-2, Tottenham v Sheffield United 1-1
Għada: Manchester United v Brighton 3.00pm, Wolves v Aston Villa 3.00pm, Liverpool v Manchester City 5.30pm
//= $special ?>