Id-dwell għada bejn Juventus u Milan f’dan l-istaġun se jkun differenti ferm aktar minn tal-aħħar snin. Juventus jinsabu fil-quċċata filwaqt li Milan jinsabu f’nofs il-klassifika, sitwazzjoni mhux solita għar-rossoneri. L-għan ta’ Juventus hu li jibqgħu bla telfa u jżommu l-vantaġġ minimu li għand fuq Inter. Sitwazzjoni differenti għal Milan li żgur mhumiex favoriti f’dan il-konfront għal diversi raġunijiet.
Milan qatt ma rebħu fl-Allianz Stadium, ġejjin minn telfa kontra Lazio u għalkemm il-logħob tjieb taħt Stefano Pioli, xorta għadhom ma jistgħux isibu saqajhom fil-kampjonat. F’dan l-istaġun, Milan sofrew telfiet kontra t-timijiet il-kbar li lagħbu kontrihom. Ir-riżultati taħt il-kowċ Maurizio Sarri qegħdin jaslu iżda żgur li t-Taljan qed ifittex prestazzjonijiet aħjar hekk kif fl-aħħar logħba fost il-ġimgħa fil-UEFA Champions League reġa’ kellhom bżonn gowl lejn it-tmiem biex jiksbu r-rebħa.
Sarri għad irid jevalwa l-kundizzjoni fiżika ta’ Cristiano Ronaldo u Matthijs de Ligt, b’tal-aħħar jitlef il-logħba ta’ fost il-ġimgħa. It-tnejn mistennija li jirkupraw fil-ħin, b’Gonzalo Higuain jibda favorit fuq Paul Dybala fl-attakk. Pioli se jkollu jgħaddi mingħajr Sami Castillejo. Suso tħarreġ normali mal-iskwadra u għandu ċans tajjeb li jerġa’ jibda mill-bidu. Leo Duarte mistenni jibda flok Matteo Musacchio li għadu ma rkuprax filwaqt li f’nofs il-grawnd jistgħu jibdew Rade Krunic u Ismael Bennacer.
Wara t-telfa kontra Borussia Dortmund fil-UEFA Champions League u l-kummenti tal-kowċ Antonio Conte, Inter se jkunu taħt pressjoni biex jirritornaw għar-rebħ, b’ċans li tal-anqas għal ftit sigħat jitilgħu fil-quċċata. Għal din il-logħba, Conte se jkollu jgħaddi mingħajr Stefano Sensi li mhux f’kundizzjoni tajba wara li daħal 20 minuta fost il-ġimgħa. Roberto Gagliardini, Kwadwo Asamoah u Danilo D’Ambrosio jinsabu dubjużi minbarra Alexis Sanchez u Matteo Politano li żgur se jkunu neqsin.
L-avversarji tagħhom Verona kellhom staġun pożittiv sa issa. Huma jinsabu fid-disa’ post u għandhom l-aħjar difiża flimkien ma’ Juventus. Verona jittamaw li jwaqqfu s-serje negattiva kontra Inter hekk kif ilhom 16-il konfront ma jirbħu kontrihom.
Interessanti se tkun ir-reazzjoni tal-plejers ta’ Napoli wara li naqsu li jimxu mal-ordnijiet tal-klabb. Napoli spiċċaw 1-1 kontra Red Bull Salzburg, bil-plejers imorru d-dar minflok l-irtir li ġie organizzat mill-klabb. Din is-sitwazzjoni ħalliet il-pożizzjoni ta’ Carlo Ancelotti f’dubju wkoll u riżultat negattiv f’din il-logħba tista’ tiddeċiedi l-futur tiegħu.
Serie A
Ilbieraħ: Sassuolo v Bologna 3-1
Illum: Brescia v Torino 3.00pm, Inter v Verona 6.00pm, Napoli v Genoa 8.45pm
Għada: Cagliari v Fiorentina 12.30pm, Lazio v Lecce 3.00pm, Sampdoria v Atalanta 3.00pm, Udinese v Spal 3.00pm, Parma v Roma 6.00pm, Juventus v Milan 8.45pm
//= $special ?>