Bidu mill-aqwa għat-tim nazzjonali Malti fir-Rugby Europe Conference 1 South b’rebħa dominanti ta’ 42-14 kontra s-Slovenja. Il-plejers Maltin ftit sabu diffikultà biex jikkontrollaw il-logħba f’Ljubljana, kontra nazzjon li għadu kif ġie promoss. Tul il-logħba, Malta għamlet sitt tries u sitt conversions.
Il-plejers Maltin diġà kellhom vantaġġ ta’ 14-0 fl-ewwel għaxar minuti bi tries minn Harry Collins u Darren Deguara, b’James O’Brien jagħmel iż-żewġ conversions.I l-vantaġġ kompla jikber fis-17-il minuta bi try minn taħt il-lasta ta’ Robert Holloway, b’O’Brien ma jiżbaljax mill-conversion minn ftit metri bogħod. Ħames minuti wara wasal ir-raba’ try għat-tim Malti b’Luke Matthews ipoġġi l-ballun wara l-linja min-naħa xellugija, b’O’Brien ma jfallix mill-conversion.
Fl-34 minuta Mark Davey irċieva karta safra u ħalla lit-tim Malti bi plejer anqas għal għaxar minuti. Is-Sloveni rnexxielhom inaqqsu d-distakk qabel tmiem it-taqsima minn penalty try. Is-Sloveni fetħu ftit it-tamiet tagħhom li jsalvaw il-logħba bi try u conversion fit-52 minuta iżda tliet minuti wara George Hepburn ħa vantaġġ minn passaġġ ħażin tal-avversarji biex ġera lejn il-linja fuq in-naħa leminija, b’James O’Brien jagħmel il-ħames conversion għal vantaġġ ta’ 35-14.
Lejn it-tmiem, Harry Collins kompla jkabbar id-distakk bit-tieni try personali filwaqt li O’Brien baqa’ preċiż fil-conversions hekk kif għamel is-sitt wieħed għal skor finali ta’ 42-14. B’dan ir-riżultat, Malta kisbet ukoll il-punt żejjed minħabba li għamlet aktar minn tliet tries.
It-tim Malti jkollu t-tieni impenn minn dan il-grupp is-Sibt 23 ta’ Novembru kontra Ċipru fil-Hibernians Stadium. Imbagħad fil-21 ta’ Marzu Malta tilgħab ukoll fil-Hibernians Stadium kontra Iżrael, bl-aħħar impenn mill-grupp ikun fl-4 ta’ April fil-Kroazja.
//= $special ?>