Barcelona baqgħu fil-quċċata tal-klassifika wara li għelbu lil Celta Vigo 4-1 f’Camp Nou. Is-solitu Lionel Messi spikka bi tripletta, bl-ewwel gowl jasal wara 21 minuta minn penalty. Celta Vigo ġabu d-draw bi free-kick preċiż ta’ Lucas Olaza sakemm Messi daħħal lil Barcelona jistrieħu 2-1 bi ġmiel ta’ free-kick. L-istilla Arġentina għamel l-iskor 3-1 fit-48 minuta bi free-kick ieħor mill-isbaħ biex Sergio Busquets issiġilla r-rebħa bir-raba’ gowl fil-85 minuta.
Eden Hazard ispira lil Real Madrid biex barra minn darhom kisbu rebħa ta’ 4-0 kontra Eibar. Karim Benzema fetaħ l-iskor wara 17-il minuta wara li Mark Dmitrovic kien salva parzjalment konklużjonijiet ta’ Luka Modric u Federico Valverde. Sergio Ramos irdoppja minn penalty fl-20 minuta wara li Hazard twaqqa’ fil-kaxxa, bl-attakkant Benzema jiskorja t-tielet gowl ukoll minn penalty fid-29 minuta, din id-darba wara li twaqqa’ Lucas Vazquez fil-kaxxa. Federico Valverde skorja r-raba’ gowl fit-62 minuta b’xutt fil-baxx minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira.
Valencia kisbu rebħa ta’ 2-0 fil-Mestalla kontra Granada. Iż-żewġ gowls waslu lejn it-tmiem meta l-ewwel kien Daniel Wass li fetaħ l-iskor kwarta mit-tmiem mill-kaxxa ż-żgħira, biex Ferran Torres għalaq il-logħba fid-90 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa.
Deportivo Alaves ukoll rebħu f’darhom iżda bl-iskor ta’ 3-0 kontra Real Valladolid. Joselu fetaħ l-iskor fis-26 minuta b’xutt fil-baxx u sitt minuti wara Tomas Pina rdoppja mill-viċin. Lucas Perez ikkonferma t-tliet punti bit-tielet gowl minn penalty kwarta mit-tmiem.
La Liga
Il-Ġimgħa: Real Sociedad v Leganes 1-1
Illum: Barcelona v Celta Vigo 4-1, Deportivo Alaves v Real Valladolid 3-0,
Eibar v Real Madrid 0-4, Valencia v Granada 2-0
Għada: Mallorca v Villarreal 12.00pm, Athletic Bilbao v Levante 2.00pm, Atletico Madrid v Espanyol 4.00pm, Getafe v Osasuna 6.30pm, Real Betis v Sevilla 9.00pm
//= $special ?>