Hu ċar li għal ta’ Steward Healthcare, l-ewwel li jgħodd hu kemm se jaqilgħu flus u żgur mhux il-pazjenti jew l-impjegati tal-Isptarijiet li qed imexxu.
Din hi s-sensazzjoni ġenerali fost dawk milquta minn azzjonijiet industrijali li ilhom għaddejjin kważi ġimgħa fost il-Carers tal-Isptar Karin Grech – sptar pubbliku li grazzi għall-Gvern Laburista, l-ewwel spiċċa f’idejn tal-Vitals u issa f’idejn ta’ Steward.
Rapporti dwar l-azzjonijiet industrijali kienu kkonfermati minn Paul Pace, il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel. Hu kkonferma wkoll il-ħsibijiet tan-nies li t-tmexxija ta’ Steward moħħha biss kemm se taqla’ flus meta spjega li, minkejja li l-azzjonijiet industrijali ilhom għaddejjin kważi ġimgħa, ta’ Steward lanqas biss għamlu kuntatt mal-MUMN biex jippruvaw jirratifikaw is-sitwazzjoni.
Paul Pace spjega li t-tmexxija ta’ Steward ma jridux jipprovdu biżżejjed Carers biex, skont it-talba tal-Ispeċjalisti, jingħata servizz individwali. Minħabba dan il-fatt, il-pazjenti li ma jkunx hemm Carers għalihom qed jitħallew fis-sodod.
Il-President tal-MUMN kompla li l-Carers ma jistgħux jaċċttaw li jkollhom magħhom aktar minn pazjent wieħed f’ħin wieħed, anke minħabba li fl-eventwalità li jiġri xi ħaġa, ir-responsabbiltà taqa’ esklussivament fuq il-Carer.
Paul Pace appella lill-Gvern biex jintervjeni fis-sitwazzjoni anke għax, fi kliemu, ta’ Steward qed jipprovdu servizz ħafna aktar inferjuri minn dak provdut mill-Istat.
Id-direttivi tal-MUMN kienu oriġinarjament daħlu fis-seħħ f’nofs is-sena, iżda twaqqfu għax it-tmexxija ta’ Steward żiedu l-Carers. Iżda ladarba twaqqfu d-direttivi, il-Carers reġgħu tnaqqsu u l-problema reġgħet waqgħet fuq il-pazjenti u l-impjegati tal-Isptar.
//= $special ?>